Kif se jitjieb is-servizz tat-trasport pubbliku?

Sħubija ġdida bejn il-Gvern u kumpanija tal-blockchain se tkun qed twassal sabiex din it-teknoloġija tiġi implimentata fl-operat tas-servizz tat-trasport pubbliku Malti li se twassal għall-iżvilupp ta’ pjattaforma għat-trasport u għal-loġistika.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport Ian Borg, filwaqt li qal li l-kumpanija li ġġib l-isem ta’ Omnitude hija pjattaforma għal Multi-Enterprise Blockchain Middleware.
Aktar kmieni din is-sena, il-Gvern kien approva strateġija għall-blockchain li wassal lil Malta biex tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja bi strateġija nazzjonali tat-tip.
Il-blockchain huwa reġistru maqsum għall-irrekordjar tal-istorja ta’ transazzjonijiet, liema reġistru ma tistax issirlu alterazzjoni. Malta hija l-ewwel pajjiż li qed toħroġ ċertifikati notarizzati fuq il-blockchain kif ukoll b’mezz tradizzjonali bil-karti.
Fi stqarrija mill-Ministeru għat-Trasport intqal li fil-bidu l-Gvern se jaħdem ma’ Omnitude biex jiżviluppa titjib ġenerali fl-affidabilità tas-servizz tat-trasport.
Il-Ministru Borg sostna li t-teknoloġija ta’ Omnitude se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja filwaqt li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni għaċ-ċittadini Maltin.
Min-naħa l-oħra, Chris Painter, il-kap eżekuttiv ta’ Omnitude qal li jinsab ħerqan biex jaħdem mal-Gvern Malti u jesplora l-kapaċitajiet tal-ekosistema blockchain bil-bażi wiesgħa tal-kumpanija tiegħu.