Kif qed jippreparaw l-iskejjel biex jilqgħu lura l-istudenti?

Read in English.

Diversi skejjel bħalissa jinsabu għaddejjin b’ħidma sħiħa fejn qed isiru d-deċiżjonijiet neċessarji u l-arranġamenti ta’ kif jistgħu jaffaċċjaw is-sena skolastika li jmiss. Minħabba l-prekawzjonijiet li jridu jidħlu fis-seħħ b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus, it-tħassib ewlieni għall-iskejjel idur madwar l-ispazju li jrid jitħalla bejn l-istudenti, il-lezzjonijiet online u l-ilbies protettiv.

Il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, kif ukoll skejjel tal-Knisja oħrajn, jinsabu fuq quddiem ta’ dawn il-preparamenti. Strateġija dettaljata kienet ikkomunikata lill-istudenti u l-ġenituri. Din tħares lejn fatturi differenti, minn ħwejjeġ sal-lezzjonijiet.

  • L-Uniformi: il-ġlekk (blazer) mhux se jkun qed jintuża temporanjament sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jilbsu ħwejjeġ li jkunu jistgħu jitnaddfu b’mod aktar faċli bħal PE kit u l-ġakketta tal-iskola.
  • Maskri u visors: dawn iridu jintlibsu bilfors u jridu jkunu fl-istil rakkomandat, jinżammu nodfa u separati.
  • Sanitisers u wipes alkoħoliċi: it-tfal iridu jieħdu magħhom sanitisers u wipes alkoħoliċi għall-użu tagħhom stess.
  • Pjattaformi online se jkunu limitati: l-iskola se tkun qed tikkomunika fuq żewġ pjattaformi biss: Klikks u MS Teams. L-għalliema qed ikunu mħarrġa biex jużaw iż-żewġ pjattaformi.
  • Numru limitat ta’ studenti fl-iskola: l-iskola qed tippjana li żżomm ir-regola ta’ bejn metru u nofs u żewġ metri bejn l-istudenti. Dan ifisser li ma tistax takkomoda lill-istudenti kollha fl-istess ħin u qed taħdem fuq mudelli ta’ kif l-istudenti jistgħu jalternaw l-attendenza fiżika fl-iskejjel.
  • Attendenza fiżika fl-iskejjel u taħriġ online: minkejja li l-mudell ippreferut se jibqa’ l-attendenza fiżika għal-lezzjonijiet, qalb il-proviżjonijiet li qed ikunu kkunsidrati hemm ukoll it-tagħlim online għal studenti li ma jistgħux ikunu fiżikament preżenti fl-iskejjel minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti. L-iskejjel qed jitolbu lill-ġenituri jagħżlu l-preferenzi tagħhom.

“Spiża kbira imma neċessarja”

Intant, skejjel oħrajn, kemm tal-Knisja kif ukoll private, jinsabu impenjati bi preprazzjonijiet simili, b’xi wħud kemmxejn innovattivi. Skola privata partikolari kkreat clusters għall-istudenti ż-żgħar b’kull grupp ikollu maskra partikolari. Dan sabiex jagħmilha iktar faċli li l-grupp ikun identifikat jekk xi student ikollu joħroġ pożittiv. B’hekk il-cluster ikun jista’ jitpoġġa fi kwarantina b’mod aktar faċli.

Skola oħra qed tagħmel użu mill-kmamar kollha disponibbli, ħlief għall-kmamar tal-banju, biex tnaqqas l-ammont ta’ studenti fil-klassijiet. Intant, l-imwejjed firdithom bil-perspex. Skola oħra ħadet prekawzjonijiet oħrajn billi nstallat sinkijiet fil-klassijiet kollha. Kumment mill-kap tal-iskola li pprefera jibqa’ anonimu qal li l-inizjattivi kienu “spiża kbira imma neċessarja”.