Kif qed jiċċelebrawh il-Milied in-nisa abbużati u wliedhom?

Jum il-Milied huwa speċjali għal ħafna nies iżda huwa aktar speċjali għat-tfal li jkunu qed jistennew dan il-jum aktar minn kull ġurnata oħra tas-sena.
Għalhekk, Dar Merbħa Bik, is-sorijiet tal-Bon Pastur li jmexxuha, il-ħaddiema u l-voluntiera, jagħmlu minn kollox biex il-Milied f’din id-dar ikun wieħed normali u sabiħ.
Dar Merħba Bik ilha tilqa’ fiha nisa vittmi tal-vjolenza domestika mill-1980, u tagħti kenn ukoll lit-tfal tagħhom.  F’din id-dar, in-nisa jkollhom iċ-ċans li jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Martina Attard, waħda mill-Care Workers li spjegat li l-ġurnata tibda pożittiva minn filgħodu. Kikkra kafè u daħka biex jibdew il-ġurnata.
Il-ħaddiema u l-voluntiera jingħaqdu flimkien mal-ommijiet u t-tfal biex jaraw xi vidjow jew xi DVD u bħal kull familja oħra, iċ-ċentru tal-ġurnata, tkun l-ikla ta’ nofsinhar.
Ir-rigali ma jonqsux. Dar Merħba Bik toffri hi stess ir-rigali lir-residenti tagħha u anke l-opportunità biex l-ommijiet jagħtu r-rigal lit-tfal tagħhom.
Uħud minn dawn ir-rigali jiġu offruti minn għadd ta’ voluntiera u benefatturi.
Dar Merħba Bik kienet waħda minn dawk id-djar li bbenefikat mir-rigali li nġabru wara appell li kien għamel tifel ta’ 8 snin li xtaq rigali għal ħutu għax ommu u missieru ma jistgħux.
Ir-residenti ta’ din id-Dar jitħallew ukoll fil-libertà biex iqattgħu l-bqija tal-ġurnata kif jixtiequ huma.
Bis-saħħa ta’ hekk, l-ommijiet ikollhom ċans joħorġu u jqattgħu l-ħin mal-familja tagħhom.