Kif ngħallmu t-tfal dwar ‘Jien u l-oħrajn’

Kellu jkun naqra ta’ virus li lanqas biss jidher biex jurina li kull wieħed minna jifforma parti mhux biss mill-familja u r-raħal u n-nazzjon tiegħu iżda wkoll mid-dinja, min-natura u mill-ħolqien kollu. Dan jissejjaħ social interest, jiġifieri li nħossni parti mill-komunità globali.

Hija waħda mill-ħiliet li rridu nrawmu fit-tfal minn età żgħira. Se jsibuha utli meta bħala adulti jsibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal din tal-lum. L-awtoritajiet ilhom jgħidulna biex nieħdu ħsieb tagħna nfusna kif ukoll ta’ ħaddieħor bl-imġiba tagħna kuljum. Meta t-tfal jaraw lilna adulti nġibu ruħna hekk allura jitgħallmu minna u jikkupjawna.

Bħalissa qed ikollna aktar ħin mal-familja: ċans tad-deheb biex nibnu u nsaħħu relazzjonijiet sbieħ u b’saħħithom ma’ wliedna. Dawn l-ideat jistgħu jgħinuna:

  • It-tfal iħobbu r-RUTINA, għalhekk flimkien magħhom nistgħu nippjanaw il-ħidma tagħna minn ġurnata qabel: ħin għax-xogħol li jirċievu mill-iskola (li għandu jsir fi blokok ta’ madwar 45 minuta b’waqfiet ta’ 5 minuti bejniethom), ħin biex ngħinu fix-xogħol tad-dar, u ħin għal-logħob.
  • Fl-iskola t-tfal kienu jiltaqgħu mal-OĦRAJN. Dan importanti ħafna. Irridu nżommu dan ir-ritmu billi nilagħbu ma’ wliedna u nużaw it-teknoloġija biex inżommu kuntatt mal-oħrajn barra mid-dar. Jekk le, allura t-tfal iduru għal-logħob fuq it-tablet li jkompli jiżolahom aktar.
  • Tajjeb li wliedna jaraw lilna l-ġenituri nieħdu INTERESS f’xi passatemp fid-dar għax hekk jistgħu jitħajru huma wkoll. L-iżvilupp ta’ wliedna ma jiddependix biss mil-lezzjonijiet tal-iskola.
  • Ħaġa interessanti għal tfal akbar hu li jżommu DJARJU. Dan hu żmien storiku u uniku, u jista’ joħloq xi Anne Frank ġdida!

Fi ftit ġimgħat tgħallimna naraw liema huma l-prijoritajiet veri tal-ħajja. Żgur li l-familja tiġi l-ewwel.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Ara l-magazine hawn