Kif minn €1 taqla’ l-miljuni

Minn ġabra ta’ stejjer varji li kienu ppublikati fil-media, dan l-aħħar ħareġ kif minn bejgħ ta’ tliet sptarijiet Maltin għall-prezz ta’ €1 kien hemm min qala’ l-miljuni. Din in-nisġa ta’ fatti kienet ippublikata minn The Shift News f’saga ta’ 5 partijiet, li uriet kif dawk li qed jidhru għal Vitals Global Healthcare (VGH) għamlu kemxa flus tajba mill-bejgħ tal-isptarijiet Maltin lil Stewart healthcare bil-għajnuna tal-Gvern ta’ Malta. L-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi f’dan il-każ li issa ilu mingħajr il-ministeru tas-Saħħa għadu mhux ċar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia iffoka fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif il-Ħadd staqsih ma min kien se jżomm; hux ma Konrad Mizzi jew Chris Fearne. Dan sar fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil li hemm bejn iż-żewġ ministri. Fearne, il-Ministru għas-Saħħa u l-Viċi Prim Ministru qal lil Lovin’ Malta li kienu għaddejjin pjani biex jitneħħa ftehim kontroversjali li ta lill-fornitur mediku lokali Technoline drittijiet esklussivi ta’ xiri ta’ tgħammir mediku għall-isptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar t’ Għawdex, li nbiegħu lil VGH u li għalihom il-gvern Malti qed iħallas €200,000 kuljum għall-kiri tas-sodod u li llum qed jiġu operati minn Steward Healthcare. Konrad Mizzi, li issa ilu ‘l bogħod mill-qasam tas-Saħħa, qal lill-gazzetta Malta Independent li l-gvern ma jidħolx f’kuntratti ffirmati bejn il-konċessjonarju u l-fornitur.

L-ex Ministru Laburista u llum membru tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, f’kumment fuq Facebook, sadanittant kiteb: “Issa tafu x’qed jiġri fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u għaliex l-OPM ried jibdel il-portafoll tiegħi minn Ministru għas-Saħħa għal dak tas-Servizzi Soċjali jew għall-Ambjent.” Hu indika li tilef il-pożizzjoni tiegħu fil-Kabinett sena biss wara li ħa l-kariga ta’ Ministru tas-Saħħa sempliċement minħabba li ma kienx lest li jaċċetta l-kuntratt tal-Vitals propost mill-Gvern.

Tista’ taqra l-istorja kollha minn hawn.