“Neħtieġu t-tnebbiħ tal-Ispirtu biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla”

“Kif mhux possibbli li wieħed jidħol fl-ilma u ma jixxarrabx, hekk ukoll mhux minnu min jgħid li jkun iltaqa’ ma’ Ġesù u jibqa’ ma jinbidilx.” Dan kien il-messaġġ tal-Isqof Mario Grech għall-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju.
L-Isqof Grech qal li bħal Xmun fit-Tempju aħna wkoll għandna bżonn l-għajnuna biex nisimgħu f’qalbna il-Kelma ta’ Alla u nħalluha ġġib il-konverżjoni tagħna. Fir-rakkont tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, San Luqa jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu kien fuq Xmun u li dan kien imnebbaħ u mqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Fil-magħmudija aħna rċivejna dan l-istess Spirtu s-Santu u għalhekk ma għandniex nibqgħu lura milli nsejħulu biex jgħinna nfasslu ħajjitna fuq il-Kelma ta’ Alla għax neħtieġu t-tnebbiħ tal-Ispirtu biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla.
L-Isqof qal li dan id-dixxerniment jeħtieġu kulħadd, inkluż saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi Nsara. Permezz tad-dixxerniment spiritwali, li huwa differenti minn dak morali, aħna nagħmlu kuntatt mal-Ispirtu s-Santu li hemm fina – nagħmlu esperjenza tal-mogħdija tal-Ispirtu s-Santu fina. Dan huwa li għandna bżonn niskopru: li jkollna lil xi ħadd li jgħinna ngħarblu u nifhmu t-tqanqil tal-Ispirtu.
L-Isqof Grech qal li min ma għandux fidi u jrid jgħix sewwa jrid jafda fir-raġuni. Il-Lhud għandhom il-Liġi ta’ Alla. Imma għalina li rċivejna l-Ispirtu s-Santu, il-liġi mhix biss dik mogħtija minn Alla imma hi Alla nnifsu li jgħammar fina. L-Ispirtu ma jgħidilna xejn li jmur kontra l-liġi miktuba.
L-Isqof żied jgħid li ħadd ma hu ser jidħak bih innifsu. Forsi naslu biex ngħaddu biż-żmien lis-saċerdot jew lill-komunità Nisranija, naslu biex nabbużaw mis-sagramenti, imma fil-qiegħ nett ta’ qalbna nkunu nafu x’inhuma l-mozzjonijiet jew it-tqanqil tal-Ispirtu ġewwa fina.
Jekk l-għażla tkun skont ir-rieda ta’ Alla għalina, ikollna l-konsolazzjoni – anki jekk din l-għażla fiha nfisha ma tkunx taqbel eżatt mal-kwadri li tagħtina l-liġi pożittiva. Imma jekk flok ir-rieda ta’ Alla aħna nagħmlu l-kapriċċi tagħna, jekk aħna nxekklu l-Ispirtu ta’ Alla li hemm fina, qatt ma hu ser ikollna paċi f’ħajjitna – qatt ma naslu biex niggustaw il-preżenza ta’ Alla, temm jgħid l-Isqof Grech