“Kif kellek tmut hekk, Chantelle?”

Il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti ħasad lill-pajjiż kollu, iżda b’mod partikolari huma maħsuda dawk qrib tagħha. Uħud minnhom irrikorrew għall-profil tagħha fuq Facebook fejn kitbulha messaġġi ta’ diqa dwar il-mewt ħabta u sabta tagħha.

Chantelle Chetcuti qalgħet daqqiet ta’ sikkina wara argument mal-eks sieħeb tagħha fi stabbiliment fi Triq il-Kbira Ħaż-Żabbar nhar il-Ħadd li għadda. It-Tnejn għamlet jum tissielet għal ħajjitha, sakemm filgħaxija tħabbar li mietet.

L-omm ta’ żewġt itfal ġiet deskritta bħala mara li tħobb il-familja, “warda li nħasdet daqshekk kmieni.” Hija kellha biss 34 sena. Għadd ta’ persuni qalulha li se jibqgħu jgħożżu l-mumenti ferrieħa li qattgħu flimkien. Iddeskrivewha bħala mara ta’ qalb tajba li taf tieħu pjaċir.

Bosta semmew lil uliedha fil-kitbiet tagħhom, “il-mimmi t’għajnejha.” Qalu li ma jistgħux jimmaġinaw minn xiex inhuma għaddejjin u talbuha tħares fuqhom mill-ġenna.

Il-funeral ta’ Chantelle Chetcuti se jsir nhar is-Sibt li ġej fis-2pm fil-Knisja t’Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid. Imbagħad se tindifen fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Safi, fejn kienet toqgħod mal-eks sieħeb tagħha, li huwa akkużat bil-qtil. Huwa wieġeb mhux ħati fil-qorti llum.