Kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ppubblika ċifri fil-parlament li juru li l-kontijiet tad-dawl qed jinħadmu bl-istess mod kif ilu isir mill-kumpanija Arms minn tal-inqas mill-2012 ‘il quddiem.
Iċ-ċifri li ġew ippubblikati juru l-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl wara numru ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista David Agius.
Fl-ewwel mistoqsija parlamentari, il-Ministru Mizzi qal li mhux talli ma żdidux in-numru ta’ kontijiet maħruġa fis-sena biex tonqos l-eco reduction iżda għall-kuntrarju, ir-rata medja ta’ kontijiet li kull klijent jirċievi naqset.
Il-Ministru qal li l-ammont ta’ kontijiet li jinħarġu minn ARMS Ltd. jiddependi minn diversi fatturi, fosthom l-ammont ta’ klijenti.
Spjega kif filwaqt li fl-2012 kienu jinħarġu medja ta’ 6.1 kont kull klijent, is-sena li għaddiet (2017) din ir-rata kienet inqas minn hekk – 5.7 kont kull klijent. Dan ifisser li l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni li ARMS Ltd. qed toħroġ aktar kontijiet minn qabel hija gidba intenzjonata li tinganna.

Djar residenzjali – Kont kull xahrejn, Konsumaturi kbar – kont kull xahar
Mizzi qal l-konsumaturi residenzjali kollha jinħarġilhom kont kull xahrejn jiġifieri medja ta’ sitt kontijiet fis-sena. Konsumaturi kbar mhux residenzjali jiġifieri industriji jew intrapriżi kbar jinħarġilhom kont kull xahar. Hemm ukoll xi kontijiet ta’ Dipartimenti tal-Gvern li jinħarġilhom kont kull tlett xhur. Din is-sistema ilha tiġi mħaddma sa minn qabel Ottubru 2008.
Il-Ministru qal li dawk li għandhom l-Smart Meter jinħargilhom kont attwali kull xahrejn. Dawk li jinqraw manwalment jirċievu kontijiet kull xahrejn fuq stima u kont attwali li jkopri sitt xhur. Huwa qal li aħħar deċiżjoni fuq kif jinħarġu l-kontijiet residenzjali jiġifieri ta` kull xahrejn kienet fl-2012 sabiex jiġi rregolariżżat il-billing cycle fuq perijodu ta’ kull xaharejn.
Fl-istess ħin, il-Ministru qal li n-numru ta’ familji li jirċievu kontijiet li ma jaqbżux il-faxxa l-aktar baxxa tat-tariffi (2,000 unit f’sena) żdied b’4.3% fl-2017 meta mqabbel mal-istess figura fl-2012. Il-Ministru qal li dan ifisser li hemm ħafna aktar klijenti jibbenefikaw mill-orħos faxxa tat-tariffi llum milli kien hemm fl-2012. 
F’mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru qal li wara li fis-snin li għaddew traħħsu l-kontijiet tal-elettriku b’25%, in-numru ta’ klijenti li qed ikollhom is-servizzi tal-elettriku jew tal-ilma sospiżi minħabba djun jew minħabba nuqqas ta’ ħlasijiet marbuta ma’ serq tal-elettriku qed jonqsu minn sena għal oħra. Huwa qal li din is-sena 20% biss tal-klijenti li rċevew avviż ta’ qtugħ, baqgħu ma’ ħallsux u nqatgħetilhom il-provvista mqabbel mas-68% tas-sena 2015.
Dwar l-eco reduction, il-ministru qal li l-kontijiet residenzjali li gawdew minn dan it-traħħis naqsu marginalment minn 651,000 fl-2015 għal 634,552 fl-2017.