Kif jiċċelebraw il-Milied f’Bethlehem?

Ta’ kull sena eluf ta’ persuni jinġabru f’Bethlehem għall-Milied – il-post fejn twieled Ġesù.

Patri Twannie Chircop OFM tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar xi jsir eżatt f’dan iż-żmien tas-sena.

Spjega li l-aktar mumenti impenjattivi jkunu waqt lejlet il-Milied. Dakinhar jiġu gruppi ta’ persuni mill-art imqaddsa kollha. L-iscouts ikollhom preżenza qawwija u jkunu ilhom li ppreparaw għal dan il-mument. Ma jonqosx ukoll l-ammont ta’ pellegrini minn madwar id-dinja li jmorru lejn Bethlehem f’dan iż-żmien tal-Milied.

Patri Chircop spejga li l-attivitajiet jibdew għas-1.30pm fl-24 ta’ Diċembru. Il-patrijiet, madwar 90 minnhom, jibdew purċissjoni li għadd ta’ saċerdoti jissieħbu magħha wkoll. Flimkien imbagħad is-soltu jistennew il-wasla tal-Arċisqof – bħalissa hemm Amministratur Appostoliku minflok Arċisqof, però l-programm ma jinbidilx. Bħalissa l-Arċidjoċesi tinsab f’idejn Pierbattista Pizzaballa.

Patri Chircop qal li jibda jinħoloq sens ta’ stennija peress li dawk miġburin ma jkunux jafu l-ħin preċiż ta’ meta jkun se jasal l-Amministratur Appostoliku. Għadd ta’ dinjitarji mill-Palestina jkunu qed jistennew flimkien mal-bqija tal-konkregazzjoni.

Meta jasal kulħadd in-nies jimxu lejn il-Knisja ta’ Santa Katerina fejn ikun hemm il-Primi Vestri għas-2pm.

Fl-4pm tibda purċissjoni għall-grotta fejn twieled Ġesù. Patri Chircop spjega li l-Patrijiet jinżlu jkantaw b’xemgħa f’idejhom u jgħaddu mill-grotta.

L-attivitajiet liturġiċi jergħu jkomplu għall-11.30pm fejn issir il-Quddiesa Solenni ta’ Nofsiljel. Preżenti jkun hemm dijitarji mill-Palestina u bosta mistiedna distinti minn madwar id-dinja. Din is-sena l-Prim Ministru Joseph Muscat kien mistieden jattendi.

Malli ddoqq il-glorja, il-patrijiet jinżlu jqaddsu l-ewwel quddiesa tagħhom fil-grotta. Patri Chircop spjega li l-patrijiet jagħmlu lejl sħiħ iqaddsu fil-grotta.

F’Jum il-Milied imbagħad fl-10am issir il-Quddiesa Solenni. Waranofsinhar għas-2pm isir il-pellegrinaġġ lejn l-għalqa tar-rgħajja. Patri Chircop spjega li jkun hemm atmosfera sabiħa ħafna li jesperjenzawha jkun hemm ukoll għadd ta’ Musulmani preżenti wkoll.