Kif jafu li t-tilqima hija effettiva?

Read in English.

Waqt li l-imxija tal-Covid-19 tidher li għadha ’l bogħod milli taqta’ nifisha, il-popolazzjoni dinjija, dik Maltija xejn anqas, qed tistenna bil-ħerqa t-tnedija tat-tilqima kontra dan il-mikrobu li qaleb id-dinja ta’ taħt fuq. Iżda issa li ġejja t-tilqima bosta ‘għorrief’ qed jesprimu fehmthom, spiss ibbażata biss fuq  xnigħat, dwar kemm hi effettiva din it-tilqima.

Prof. Josef Lauri, Professur tal-Matematika u xjentist, tkellem ma Newsbook.com.mt dwar kif isiru jafu kemm hi tajba t-tilqima. Huwa qalilna pass pass, kif ikun il-proċess li jittestja t-tilqima. Huwa spjega li bosta mir-riċerka dwar dan il-virus kienet diġà saret minħabba li tul is-snin saret ħafna riċerka fuq il-virus tat-tip corona – il-Covid huwa ta’ din it-tip ta’ familja ta’ virus.

Tilqima vs Placebo

“L-effettività tat-tilqima tiġi ttestjata fit-tielet fażi tar-riċerka. F’din il-fażi, it-tilqima ‘toħroġ’ mil-laboratorju u tibda tingħata lill-voluntiera” spjega Prof. Lauri. Minn fost dawk li joffru li jkunu voluntiera, jintgħażlu wħud. Il-kriterji tal-għażla huma sempliċi: kemm jista’ jkun iridu jkunu nies ġejjin minn kull qasam tas-soċjetà, ġens, età, ġeneru, saħħa eċċ – insomma, dinja fiċ-ċokon. “Għal dan il-vaċċin intgħażlu numru vast ta’ voluntiera fi kliniċi fl-erbat irjieħ tad-dinja,” qal Prof. Lauri. Wara li ssir l-għażla tal-voluntiera, issir għażla oħra: jinqasmu f’żewġ gruppi. Grupp jingħata t-tilqma u grupp jingħata ‘tilqima’, l-hekk imsejjaħ ‘placebo’. Il-lacebo huwa fl-apparenza qisu l-mediċina li qed tkun ittestjata imma fil-verità ma jkun fih ebda mediċina.

Ftit Matematika

“Hawnhekk il-kliniċi joqogħdu ħafna attenti u jkun hemm segretezza kbira dwar min ikun ħa t-tilqima u min il-placebo. La l-voluntiera u lanqas it-tobba ma jkunu jafu jekk it-tilqima li jkunu qed jagħtu/jirċievu hix dik li tkun qed tiġi ttestjata jew inkella l-placebo. Dan ikunu jafuh biss il-kapijiet tar-riċerka,” qal Prof. Lauri. Huwa ta eżempju prattiku fuq kampjun ta’ 30,000 voluntier. 13,000 jingħataw il-placebo u 17,000 it-tilqima. Dawn kollha, it-30,000, jibqgħu għaddejjin ħajja normali apparti li jiġu mmonitorjati minn tobba li jkunu tawhom it-tilqima. Dan il-monitoraġġ jista’ jibqa’ sejjer ġimgħat, xhur u anke snin wara li l-vaċċin jiġi approvat.

“Issa, pereżempju, jista’ jkun hemm qbil biex wieħed jara kemm mill-voluntiera, wara ċerta data, ikunu mardu. Ejja ngħidu li mardu 110 u dawn kienu 15 li ħadu t-tilqima u 95 li ħadu l-placebo. Mela, ftit matematika: 95 minn 13,000 jiġi 0.73% u 15 minn 17,000 jiġi 0.09%. Issa, jekk tagħmel 0.09 ÷ 0.73 jiġi 0.12. Mela, il-vaċċin dejjem jitqies li għandu l-valur ta’ 1. Jekk tagħmel 1-0.12 jiġi 0.88. Dan ifisser li skont ix-xjenza t-tilqima hija 88% effettiva. Insostni li dan huwa eżempju,” spjega Prof. Lauri.

Meta tkun effettiva

Prof. Lauri qal li meta r-riżultati jkunu ogħla minn 80%, dawn ikunu meqjusa li huma tajbin ħafna. It-tilqima tal-ġidri, li wasslet biex dan il-virus jgħib mid-dinja, qal Lauri, qatt ma kienet ġiet ittestjata hekk u kien hemm biss estimi kliniċi. It-tilqima tal-Polio, storja oħra ta’ suċċess mediku kienet effettiva bejn 60-70% kontra l-forom kollha tal-polio u 80-90% kontra l-forom l-aktar qattiela ta’ dak il-virus.

Iżda, qal Prof. Lauri, mhux li jkollok tilqima tajba biss jgħodd. Jgħodd ukoll li l-pajjiżi jkollhom pjani sodi ta’ kif din it-tilqima tkun se tingħata. Hawnhekk irid ikun magħruf sew kif se titqassam it-tilqima u kif se titwassal fil-pajjiżi. L-epidemjologu ta’ fama dinjija Prof. Jeremy Ferrar qal fuq BBC li kien hemm il-biża’ li xi pajjiżi jużaw is-saħħa tagħhom biex jieħdu huma t-tilqima l-ewwel. Prof. Ferrar qal li jekk hawn xi ħaġa li hija ta’ dominju pubbliku hija l-mediċina u l-ebda pajjiż ma jista’ jippretendi preċedenza fuq ħaddieħor. Prof. Lauri kkonkluda li “irridu nistaqsu kif it-tilqima se tasal fil-pajjiżi fqar, x’se tkun ir-reazzjoni tal-pubbliku għal din il-mediċina, u, importanti, din it-tilqima se tqajjem aspettattivi li minnufih, malli teħodha, tista’ tarmi l-maskra u tinsa d-distanzi soċjali? Dan huwa importanti għax dan l-aġir jista’ jagħmel is-sitwazzjoni agħar minkejja t-tilqima.