Kif jaċċessaw id-drittijiet tagħhom il-persuni b’diżabbiltà?

L-aċċess għad-drittijiet ta’ persuni b'diżabbiltà se jkun is-suġġett ewlieni f’konferenza tal-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi nhar il-Ġimgħa li ġej f’lukanda fil-Furjana.
Fi stqarrija, l-Ewroparlamentari qalet li filwaqt li l-persuni b'diżabbiltà għandhom l-istess drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u ekonomiċi bħal kulħadd, xorta waħda jsibu fruntieri minħabba żieda fl-użu tat-tekonoloġiji diġitali fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u privati.
Marlene Mizzi spjegat li l-għan ta’ din il-konferenza huwa li jitqajjem għarfien dwar dan is-suġġett filwaqt li jiġu mħarsa l-interessi tal-persuni b'diżabbiltà.
Il-konferenza Aċċessibiltà mingħajr diskriminazzjoni, se tinkludi wkoll preżentazzjonijiet minn Enable Ireland, organizzazzjoni Irlandiża li ma tagħmilx profitt u ffinanzjata mill-istat li tipprovdi servizzi b’xejn għat-tfal u l-adulti b'diżabbiltà u lill-familji tagħhom u minn Vickie Gauci, Terapista Okkupazzjonali li qed tistudja fl-Università ta’ Leeds fuq attiviżmu tad-diżabbiltà u t-teknoloġija assistiva.
Jattendu wkoll is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b'Diżabbiltà Anthony Agius Decelis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri.
Il-konferenza qed tiġi organizzata bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, l-MCA u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabbiltà.
Il-konferenza se tkun organizzata nhar il-Ġimgħa li ġej fil-lukanda Phoenicia, bl-appoġġ tal-grupp S&D tal-Parlament Ewropew, mid-disa’ ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar u biex tattendi trid tirreġistra hawnhekk.