Kif itellfek il-mowbajl matul il-ġurnata?

L-ismartphones żewqulna ħajjitna b’aktar aċċessibbiltà għall-informazzjoni… u seksik.  Iżda jekk tqatta’ wisq ħin fuq il-midja soċjali tista’ tkun qed tagħmel ħsara lill-produttività tiegħek aktar milli taħseb.

Bil-mowbajls jinfurmawna b’elf ħaġa kull sekonda, huwa faċli immens li nintilfu nqallbu onlajn, nagħfsu ‘refresh’ fuq Facebook, u nitilfu mill-produttività tagħna.

Skont esperti, il-mowbajls iwaqqfuna mill-ħsibijiet tagħna b’mod konsistenti, u ma jħalluniex ngħixu fil-mument.

Xi jtellifna milli nkunu produttivi?

  1. L-imejls

Li niċċekkjaw l-imejls kull ftit ħin itellfilna mill-produttività tal-ġurnata tagħna.

  1. Ir-ritratti

Il-kameras ta’ kwalità għolja tal-mowbajls huma ħżiena daqskemm huma tajbin. Għalkemm tajjeb li nieħdu ritratti ’l hemm u ’l hawn bħala tifkira ta’ dak il-mument, li nkunu paparazzi tagħna nfusna hu mod ieħor kif ma ngħixux fil-preżent.

  1. Il-midja soċjali

Il-midja soċjali tgħinna biex inkomplu niffissaw f’ħajjet ħaddieħor u x’qed jagħmel dak u l-ieħor, imma hu wkoll mod kif niftaħru ma’ dawk li jsegwuna b’li għamilna jew qegħdin nagħmlu.

Aħna u niċċekkjaw min għamlilna lajk, u min ikkummenta fuq il-kitba ta’ min, inkunu qegħdin nabbandunaw il-preżent.