Kif inbidlet ħajjitha meta għamlet ġimgħa tgħid ‘le’

Mara li għamlet tul ta’ snin tipprova tikkuntenta lil kulħadd iddeċidiet li tqatta’ ġimgħa minn ħajjitha tgħid ‘le’ għal affarijiet li ma kienu se jżidu xejn ta’ sustanza għall-iżvilupp tagħha. 
F’artiklu fuq Business Insider, Charyn Pfeuffer spjegat kif il-ħajja tal-lum hija waħda mgħaġġla. Bosta huma dawk li jaħdmu fuq bażi fulltime, filwaqt li jkunu jaħdmu xi xogħol freelance, ikunu jridu jlaħħqu mal-ħajja soċjali tagħhom u forsi wkoll involviment f’xi għaqdiet non-governattivi.
Spjegat kif ikun hemm min ikollu l-kalendarju ta’ xahar sħiħ avvenimenti qabel ma jkun wasal ix-xahar innifsu. Apparti min hekk, hemm persuni li jħobbu jikkuntentaw lil dawk ta’ madwarhom, u jsibuha wisq diffiċli biex jgħidu ‘le’.
Għaldaqstant, kompliet tgħid li li tkun kapaċi tgħid le, speċjalment f’ċirkustanzi li se jkunu ta’ aktar ħsara għalik milli ġid, huwa parti importanti. Issostni li f’ħajtek għandek tagħmel dak li tħossok komdu tagħmel u mhux dak li ħaddieħor jgħidlek li għandek tagħmel.
X’inhuma l-affarijiet li Pfeuffer  qalet le għalihom?

  1. Notifikazzjoniet ta’ Facebook li mhux importanti.
  2. Messaġġi li jidħlu fuq il-midja soċjali. Ma fiha xejn ħażin li ma tweġibx mill-ewwel.
  3. Messaġġi li jidħlu fuq il-mowbajl jew apps, speċjalmenti meta jistaqsu mistoqsijiet li mhux se jżidu xejn speċjali mal-ġurnata tiegħek.
  4. Jekk xi ħadd ikun irid xi parir il-ħin kollu, speċjalment jekk inti taħdem bħala ħaddiem soċjali, psikjatra, jew xi professjoni tat-tip, għandek dritt li tgħid le. Speċjalment jekk dan ikun ta’ spiss.
  5. Pjaċiri żgħar li s-soltu tgħid ‘iva’ għalihom u tispiċċa ma tlaħħaqx mal-affarijiet personali tiegħek.
  6. Jekk xi ħadd jistaqsik tirrakkomandalu xi ħaġa li inti m’intix daqshekk intiż dwarha. Xi ħaġa li jaf tispiċċa taħli s-sigħat tfittex sabiex tgħin lil dak li jkun, meta tkun xi ħaġa li jistgħu faċilment jagħmlu huma. 
  7. Tista’ tirrifjuta li tara filmati, artikli u ritratti li lilek se jaħlulek il-ħin għax sempliċiment mhux interessat fis-suġġett.