Kif il-Papa Franġisku għażel iċ-ċurkett tiegħu

Iċ-ċurkett li mil-lum ‘il quddiem beda jilbes il-Papa Franġisku juri xbieha ta’ San Pietru qiegħed iżomm iċ-ċwievet f’idejh. Fir-ritratt jidher iċ-ċurkett li se jibda jilbes il-Papa Franġisku f’wieħed mis-swaba’ ta’ idu l-leminija.

L-Arċisqof Pasquale Macchi li kien is-segretarju personali tal-Papa Pawlu Sitta kien żamm il-forma taċ-ċurkett li kien ġie diżinjat għal dan il-Papa mill-artist Taljan Enrico Manfrini. Iżda ġara li x-xbieha li turi lil San Pietru iżomm iċ-ċwievet, qatt ma kienet inħadmet f’ċurkett u allura dan ma kien intlibes qatt mill-Papa Pawlu Sitta. Minflok huwa kien jilbes iċ-ċurkett li kien ġie kummisjonat fi żmien il-Konċilju Vatikan it-Tieni.

Meta l-Arċisqof Macchi kien miet fl-2006, il-forma ta’ dan iċ-ċurkett flimkien ma oġġetti oħra, kienu tħallew lill-Monsinjur Ettore Malnati li kien ħadem qrib ta’ l-Arċisqof Macchi għal bosta snin.

Dan id-diżinn għaċ-ċukett ġie offrut lill-Papa Franġisku flimkien ma diversi diżinji oħra. Il-Papa Franġisku għażel propju din ix-xbieha ta’ San Pietru għal dak li huwa magħruf bħala “iċ-Ċurkett tas-Sajjied”.