Kif il-gvernijiet Ewropej qed jgħinu lin-negozji

Wara li l-Kummissjoni Ewropea tat lill-Istati Membri tal-UE flessibbiltà totali fir-rigward tar-regoli fiskali biex ikunu jistgħu jżidu n-nefqa tagħhom fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi kkawżati mit-tifrix tal-coronavirus, Gvernijiet madwar il-kontinent ħabbru firxa ta’ miżuri intiżi li jagħtu appoġġ lis-sidien ta’ negozji u jiżguraw li l-ħaddiema ma jbatux il-konsegwenzi kollha ta’ dak li qed jiġri.


F’numru ta’ każijiet, Gvernijiet Ewropej qed joffru self ferm vantaġġjuż għan-negozji u anke qed ikopru parti mis-salarji tal-impjegati. Dan barra l-allokazzjoni ta’ cash grants sostanzjali għal dawk l-aktar milquta u ħlasijiet biex titkopra sahra marbuta mal-kwarantina jew mard.

Minkejja qagħda finanzjarja kritika, il-Gvern Taljan ħabbar pjan ta’ 25 biljun ewro li joffri għotjiet diretti lill-kumpaniji li ntlaqtu bl-agħar mod mill-virus u qed jipprovdu għajnuna lill-ħaddiema li tilfu jew qed jirriskjaw li jitilfu l-impjieg tagħhom. L-Italja, fejn persuni li jaħdmu għal rashom huma parti importanti mill-ekonomija tal-pajjiż, qed talloka 600 ewro fix-xahar għal din il-kategorija, barra s-sospensjoni tal-kontribuzzjonijiet soċjali.

Ir-Renju Unit ukoll nieda baġit speċjali biex jilqa’ għall-kriżi, fejn alloka madwar 14-il bijun ewro għal garanziji fuq self bankarju u tnaqqis mit-taxxa għall-intrapriżi, kif ukoll għotjiet finanzjarji diretti għall-SMEs. Il-Gvern ta’ Londra daħal ukoll għall-parti kbira mill-ispejjeż ta’ sick leave għal persuni f’kwarantina.

Inizjattivi simili ttieħdu wkoll mill-Ġermanja, li offriet eżenzjonijiet mit-taxxa b’valur ta’ biljuni ta’ ewro kif ukoll fond prattikament illimitat li joffri self għal kumpaniji biex jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom.

Dawn l-inizjattivi ma kienux implimentati biss mill-pajjiżi l-kbar hekk kif anke stati bħad-Danimarka u l-Iżvezja offrew miżuri ta’ appoġġ lin-negozji u ħaddiema tagħhom. Id-Danimarka enfasizzat il-bżonn li ma jintilfux il-postijiet tax-xogħol tant li l-Gvern offra li jħallas 75% tas-salarju meta jkun se jintilef impjieg. Fl-Iżvezja l-Gvern se jħallas l-ispiża kollha tas-sick leave sa Mejju u nieda wkoll allokazzjonijiet qawwija biex min jitlef il-post tax-xogħol ma jitlifx id-dħul tiegħu.

F’Malta, il-Gvern s’issa ħabbar li se jkun qed jeżenta mill-ħlas ta’ taxxa u kontribuzzjonijiet soċjali lil dawk l-intrapriżi l-aktar milquta mill-virus, b’mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu u t-trasport filwaqt li nieda inċentivi għal dawk is-sidien ta’ negozji li jinvestu fit-teleworking.

Barra minn dan kollu, l-UE qed tħejji pakkett ta’ miżuri b’valur ta’ 37 biljun ewro f’investiment, barra garanziji bankarji ta’ tmien biljun ewro għal 100,000 kumpanija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn