Kif għandek tieħu ħsieb l-ikel fi żmien il-coronavirus?

food-chef-kitchen-soup-66639

Il-Malta Environmental Health Officers Association (MEHOA) fakkret fl-importanza li wieħed jiżgura s-sigurtà tal-ikel f’kull stadju, kemm f’postijiet tal-produzzjoni, kif ukoll fid-djar. Qalet li dan huwa importanti għaliex l-inqas ħaġa li jrid li jiġri bħalissa huwa li xi ħadd jimrad bil-coronavirus minħabba l-ikel li xtara jew ikkonsma.

L-MEHOA fakkret lil kulħadd fl-importanza tal-ħames T-ijiet:

  • Tagħżel ikel li hu frisk, sigur u ta’ kwalità tajba.
  • Tindif regolari u sew tal-postijiet kollha fejn jiġi preparat, immaniġjat u merfugħ l-ikel, inkluż it-tagħmir. Il-ħasil regolari tal-idejn huwa bżonn.
  • Tisjir tal-ikel sew, sakemm it-temperatura interna tlaħħaq il-75⁰Ċ.
  • Tkessieħ tal-ikel malajr kemm jista’ jkun u ż-żamma tal-ikel f’temperatura ta’ 5⁰Ċ jew inqas waqt il-ħażna u t-trasport.
  • Tikkontaminax l-ikelbilli tiżgura li jkun evitat it-trasferiment ta’ mikrobi minn oġġett jew ikel għall-ieħor, bħal laħam nej f’kuntatt ma’ ikel imsajjar. Hawnhekk nerġgħu nisħqu kemm hu mportanti li jkun hemm il-ħasil sew u regolari tal-idejn.

L-MEHOA żiedet tgħid li huwa importanti li l-ikel jinżamm barra miż-żona ta’ periklu f’kull ħin, anke waqt it-trasport. “Issa li s-sħana diġa qiegħda tinħass, huwa importanti iktar minn qabel biex l-ikel kiesaħ jinżamm f’temperatura taħt il-5⁰Ċ waqt l-immaniġjar, ħażna u trasport. Ikel sħun għandu jinżamm f’temperatura ta’ iktar minn 63⁰Ċ,” insistiet l-MEHOA.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn