Kif għadha ma ssejħitx ir-riżenja tal-Kap tal-BRO? – Wayne Flask

Nicole Borg

Wayne Flask f’isem il-Moviment Graffiti staqsa kif ħadd għadu ma sejjaħ għar-riżenja ta’ Michael Ferry minn Kap tal-Building Regulations Office hekk kif din qed turi li mhuwiex kompetenti biex iwettaq xogħlu. 

Fl-intervent tiegħu waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 dwar it-traġedja li seħħet dalgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla Wayne Flask tenna r-rabja għal dak li seħħ illum, minkejja l-wegħdi ta’ ħafna li se jkun hemm regolamentazzjoni aħjar.

Flask qal li minkejja t-telf ta’ ħajjiet li qed ikun hemm, donnu hemm “qbil biex ħadd ma jieħu azzjonijiet konkreti biex jiġi regolarizzat is-settur.” Flask saħaq li wisq jibża’ li hemm interessi ċari u varji biex ma jkunx hemm ftehim sabiex id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu, jittieħdu. 


“Kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu” – Marthese Portelli, MDA

Minn naħa tagħha, Marthese Portelli, Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, filwaqt li esprimiet is-sogħba għal dak li ġara, saħqet li huma ħafna l-istakeholders li kollha għandhom jagħmlu l-parti tagħhom sabiex l-industrija tnaqqas l-inkonvenjent u biex jiġu evitati aktar traġedji. 

Portelli qalet li r-responsabilità ta’ kulħadd mill-bennej sal-iżviluppatur, mill-perit sal-konsulenti, mill-kuntrattur sas-Site Officer trid tkun rikonoxxuta u osservata. 

Hija saħqet li l-MDA se tkompli tagħfas biex, fost affarijiet ohra, ikun hemm sistema ta’ liċenzjar tal-operaturi li jigu kklassifikati b’liċenzji speċifiċi li jelenkaw l-oqsma li jistgħu joperaw fihom.

Spjegat li ma jistax ikun hemm liċenzjar ġeneriku, imma kull sistema ta’ liċenzjar għandha tkun speċifika għall-ispeċjalizzazzjoni tal-operatur.