​Kienu se jarmuh għax twieled b’ħuh ġo fih

Fl-Indja, qraba ta’ omm ta’ tarbija tifel li twieled b’ħuh mejjet ġo fih, kienu se jarmuh fi xmara, qabel ma sptar lokali offriehom operazzjoni bla ħlas.
L-omm, Kuli Bai ta’ 22 sena welldet it-tarbija fid-dar tagħha f’villaġġ f’Pindwara fit-tramuntana tal-Indja.
Il-qraba tagħha kienu tant ixxukjati li t-tifel kellu żewġ saqajn, id u l-parti ġenitali żejda li kienu se jarmuh mill-ewwel.
L-aħbar infirxet mal-villaġġ u waslet għand persuna li taħdem fi sptar li bagħtet ambulanza mill-ewwel.
It-tarbija qed tirkupra sew wara li erba’ tobba operaw fuqha u tneħħewlha l-partijiet żejda li kienu bdew jiżviluppaw magħha.
Din il-kundizzjoni sseħħ f’madwar wieħed minn kull miljun twelid.