“Kienu mbeżżgħin” – 2 nisa l-ħabs minħabba passaport falz

Read in English.

Żewġ nisa li ġew Malta b’dgħajsa s-sena l-oħra, u li ppruvaw jużaw passaport falz biex imorru l-Ġermanja u Franza, ingħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li ammettew il-ħtija tagħhom.

Fil-Qorti, il-Maġistrata Nadine Lia semgħet liż-żewġ nisa ta’ 31 u 35 sena mill-Kosta tal-Avorju separatament. Huma ġew akkużati li kellhom passaport falz u li ppruvaw jużawh. Iż-żewġ nisa ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta meta kienu qed jagħmlu check-in biex itiru Berlin.

Il-prosekuzzjoni saħqet li n-nisa ngħataw kenn, għajnuna, ikel u flus, iżda xorta riedu jmorru Franza. Sostniet li setgħu stennew il-passaporti u l-permessi tar-residenza, iżda ddeċidew li jużaw metodi illegali biex jitilqu mill-pajjiż.

Minn naħa tiegħu, l-għajnuna legali tagħhom saħaq li m’humix kriminali u li telqu minn pajjiżhom ħabba l-problemi li hemm. Spjega li f’Malta sabu problema ta’ lingwa, għax il-lingwa Franċiża mhix mitkellma.  L-avukat saħaq li l-ħabs huwa għall-kriminali, u li l-Qorti tista’ tagħti sentenza sospiża. Żied jgħid li n-nisa kienu mbeżżgħin, u li passaport jista’ jdum snin twal biex jingħata lill-nies li qed ifittxu ażil. Ikkonkluda billi qal li hija ċara li l-passaport falz ma sarx Malta.

Il-Qorti, meta rat li ż-żewġ nisa ammettew il-ħtija tagħhom, u wara li rat is-sentenzi li ngħataw fuq każi simili, tat sentenza ta’ sitt xhur ħabs ‘il waħda.