“Kienu jumejn ibsin” – bint Prof. Friggieri

Filwaqt li llum wara nofsinhar se jkun qed isir il-funeral statali ta’ Prof. Oliver Friggieri, bintu Sara kitbet fuq il-profil tagħha fuq il-paġna ta’ Facebook li l-aħħar jumejn kienu ibsin u mimlijin bi preparamenti għall-funeral.

Minħabba f’hekk ma kellhiex ħin tara l-ammonti kbar ta’ posts u messaġġi. Irringrazzjat lil dawk kollha li bagħtu l-kondoljanzi tagħhom.

“In-numru tagħhom ilaħħaq ferm aktar milli stennejt u napprezza kull wieħed u waħda minnhom minn qalbi. Kienet tkun ix-xewqa tagħna bħala familja li jkun hemm dawk kollha li xtaqu jattendu, però minħabba s-sitwazzjoni delikata li ninsabu fiha dan mhux possibbli. Għalhekk ikun għaref li nsegwu d-distanza soċjali. Naf biċ-ċert li kieku l-papà kien preżenti, kien ikun lest iċedi postu u jmur fl-aħħar filliera,” kitbet hi.

Il-funeral ta’ Prof. Oliver Friggieri se jkun qed jitwassal ukoll fuq newsbook.com.mt

TVM ħabbar ukoll bdil fl-iskeda tal-programmi. Illum fil-12.15pm se jkun qed iwassal il-programm Personaġġi li kien iddedikat lil Prof. Oliver Friggieri. Dan se jkun segwit mix-xandir tal-funeral statali fis-12.45pm u fit-3pm il-programm Għanja Lil Malta.