Kienu jsegwuha 600,000 persuna imma ħassret Instagram għax “mhux il-ħajja reali”

Żagħżugħa Awstraljana li kellha aktar min-nofs miljun persuna ssegwiha fuq Instagram, għalqet il-profil tagħha, għax fi kliemha, l-midja soċjali “mhux il-ħajja reali."
Essena O’Neill, li għandha 18-il sena, kienet taqla’ l-għixien tagħha billi tippromwovi prodotti lis-612,000 persuna li kienet issegwiha fuq Instagram.
Fis-27 t’Ottubru li għadda, O’Neill neħħiet aktar minn 2,000 ritratt li fiha kliemha “ma kellhomx għan, ħlief li bihom tippromwovi lilha nnifsha.” Taħt il-bqija tar-ritratti, it-tfajla biddlet id-deskrizzjoni biex turi l-manipulazzjoni u l-insigurtà warajhom.
Per eżempju taħt ritratt tagħha liebsa l-bikini, issa kitbet deskrizzjoni li fiha tfisser il-manipulazzjoni li hemm fih biex tidher aħjar mir-realtà.