Filmat: “Kienu jiżbgħu t-tiġieġ u jeħduhom magħhom l-Empire Stadium”

Sakemm imorru l-krejnijiet u dak li kien l-Empire Stadium tal-Gżira jintilef darba għal dejjem, Numru 12 iddeċidew li jagħmlu filmat li min jarah jerġa’ jgħix il-memorji ta’ dan l-istadium.
Fil-filmat, Eric Schembri, li kien plejer mat-tim nazzjonali, jirrakkonta meta l-futbol kien għadu ċ-ċentru fil-ħajja tan-nies u li kien jintlagħab il-Gżira quddiem folol kbar.
Schembri semma kif minbarra s-sufarelli, is-supporters kienu jieħdu magħhom iċ-ċuqlajta u s-serena. Żied jgħid li meta kien jintlagħab xi derby bejn Marsa u l-Ħamrun, jew il-Belt u l-Floriana, kont tara tiġieġ miżbugħin kull kulur jew bil-gear tagħhom. Kienu anke jbattlu l-bajd, jiżbgħuh bil-kulur u jwaddbuh fil-grawnd.
L-eks plejer sostna li anke meta ma kienx ikun hemm logħba taħraq, xorta l-atmosfera kienet tkun sabiħa.  Semma kif fil-half time, kien ikun hemm dak li kienu jsejħulu l-walker, li kien janima lis-supporters sakemm tibda t-tieni parti tal-logħba. “Ġieli anke kien iwaddab il-ħelu fl-istands qabel jitlaq,” irrakkonta Eric.
Saħaq li biex jiżdied l-interess fil-futbol, trid tiġi offruta atmosfera li toħloq interess, simili għal dak li kien jiġri fis-sebgħinijiet.
Numru 12 hu grupp ta’ 12-il plejer li flimkien isemmgħu l-vuċi tagħhom, ħalli flimkien jerġgħu jġibu l-futbol Malti lura lejn il-partitarji.
Ritratt: Facebook
Filmat: Numru 12