“Kienu jixtiqulha li jaqbadha kanċer” – il-President

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca rrakkuntat kif waħda mill-istejjer li semgħet u li baqgħet impressjonata biha hija dik ta’ tfajla li qaltlilha li meta kienet vittma ta’ bbuljar, saħansitra kien hemm min xtaqilha li jaqbadha kanċer. Dan qalitu f’parti mid-diskors tagħha fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika.

Il-President spejgat kif iltaqgħet ma’ din it-tfajla u ma sħabha u sostniet li qatt ma hi se tinsa d-dmugħ f’għajnejn sħabha tal-klassi. Insistiet li ma tistax tneħħi minn quddiem għajnejha dan l-episodju.

Insistiet li l-libertà tal-espressjoni ma tfissirx li wieħed jista’ jgħid kollox u kif irid. Spjegat li dan id-dritt iġorr miegħu responsabbiltajiet u ma jistax jibqa’ jiġi abbużat. Insistiet li miċ-ċokon għandna nitgħallmu li r-rispett lejn xulxin huwa l-unika mod kif nistgħu ngħixu f’demokrazija sħiħa u fil-paċi.

Il-President għamlet referenza wkoll għall-istress u s-saħħa mentali, speċjalment fejn jidħlu ż-żgħażagħ. Spjegat li ż-żgħażagħ għadhom inkwetati b’sistema edukattiva stressanti, minkejja d-diversi miżuri li ttieħdu. Qalet kif innutat l-impenn ta’ għaqdiet ta’ studenti u żgħażagħ li qed jieħdu inizjattivi sabiex jindirizzaw din l-istigma u joħolqu kuxjenza ta’ solidarjetà u appoġġ għal dawk bi problemi ta’ saħħa mentali.