Kienu jibagħtuha tipprostitwixxi ruħha u jżommulha t-tarbija

Jinbagħtu 12-il sena ħabs

Newsbook | Prostitution

Koppja Ungeriża residenti San Pawl il-Baħar ġew ikkundannati 12-il sena ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li ttraffikaw żewġ persuni mill-Ungerija għall-prostituzzjoni.

Robert Attila Majlat ta’ 41 sena u Attilane Majlat ta’ 37 sena ġew akkużati bi traffikar uman u li mexxew burdell. Fl-2017, il-vittmi kienu xehdu fil-
Qorti kif inġiebu Malta u kienu jiġu mġiegħla jipprostittwixxu ruħhom mill-koppja. Huma kienu spjegaw li l-flus kienu jmorru għand il-koppja u kienu jirċievu l-affarijiet bażiċi biex jgħixu biss.

Il-prosekuzzjoni fil-Qorti spjegat li l-vittmi kienu joqogħdu fl-appartament mal-koppja, ma’ wild il-koppja u wild waħda min-nisa. Huma kienu jużaw appartament ieħor biex jagħmlu xogħol ta’ prostituzzjoni. Il-prosekuzzjoni kompliet tispjega li waħda mill-vittmi kellha tarbija li kienet iżżommilha l-akkużata sakemm hi tmur tagħmel dan ix-xogħol. Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija, il-koppja kkommettew reati simili f’pajjiżi oħra qabel ma ġew Malta.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud qal li dan huwa reat serju u n-nies għandhom ikunu protetti mill-Qrati. Huwa sab lill-koppja ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u kkundannahom għall-piena massima dik ta’ 12-il sena ħabs kull wieħed.