“Kienu jgħiduli li wara l-iskola għall-ħabs jew mejjet” – żagħżugħ ta’ 30 sena

Żagħżugħ ta’ 30 sena rrakkonta kif minħabba li kien imqareb l-iskola, ħafna adulti kienu jaqtgħulu qalbu billi jgħidulu li se jispiċċa ħabsi jew mejjet.
F’intervista fuq il-programm Il-Ħajja Sabiħa fuq RTK 103FM, Simon* saħaq li dawn l-affarijiet m’għandomx jintqalu, għax “fis-subkonxju, il-persuna temmen dik il-ħaġa u awtomatikament tfittixha”.
Simon qal li dejjem jiftakar nies jgħidulu x’ma jistax jagħmel u x’mhux se jkun, mingħajr ħadd ma poġġa bilqiegħda u ra min hu, x’għandu bżonn, u minn fejn ġej.
Tkellem dwar kif għex tliet xhur fl-Awstralja, b’basket fuq dahru, idur minn hostel għall-oħra, u jagħmel ħbieb ġodda. Din ma kinitx biss vaganza, iżda kien “l-ewwel pass biex nifhem l-affarijiet tiegħi personali”.
Kien hemm ħafna nies li ppruvaw jaqtgħulu qalbu milli jmur fuq din l-avventura l-Awstralja, u jgħidulu “u le mur aħdem xi mkien”.
Però meta ħares lura lejn ħajtu rrealizza li minn meta kien żgħir, kulħadd iddettalu dak li għandu jagħmel, u għalhekk sfida n-negattività billi mar.
“Messejt ma xiex messejt, meta ddeċidejt li rridha, ma kien hemm xejn li waqqafni”, qal Simon b’determinazzjoni. 
Saħaq li hu importanti li nirrealizzaw li mhux kulħadd l-istess, u meta l-messaġġ ma jasalx b’mod, ma tfissirx li tarmi l-persuna, iżda tipprova ssib mod ieħor.
“Il-warda ma niċċekjawx is-simettrija tagħha, is-sbuħija tagħha qiegħda hemmhekk għax hija naturali u unika” qal iż-żagħżugħ.
Huwa kien qed jitkellem fuq il-fatt li għandna nħallu l-fjuri tagħna, it-tfal, jinfetħu kif iridu, anke jekk mhux neċessarjament akkademikament. 
Saħaq fuq l-importanza tal-isport, mużika u arti bħala modi biex jgħinu lil tfal li għaddew minn ħajja akkademika diffiċli bħalu.
*Simon huwa isem fittizju