“Kienu ilhom isegwuna xhur sħaħ” – Matthew Caruana Galizia

DCG Matthew Caruana Galizia
Matthew Caruana Galizia / Facebook

Iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia qal li kienu ilhom isegwu lilu u lil ommu xhur sħaħ, u li donnu kien jaf li kien se jiġrilha xi ħaġa.

“Kont inqum kull filgħodu u ngħid lili nnifsi biex niċċekkja taħt il-karozza tagħha. Dakinhar ma ċċekkjajtx,” stqarr Matthew, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola għas-Sajf għall-Ġurnaliżmu Investigattiv fir-Rumanija.

Skont il-ġurnal Balkan Insight, Matthew Caruana Galizia qal li wara l-qtil ta’ ommu telaq il-ġurnaliżmu u beda jiffoka fuq l-avukatura, li jaqbeż għall-prinċipji u l-valuri. Qiegħed jaħdem fuq modi ta’ kif jistgħu jkunu protetti l-ġurnalisti minn attakki vjolenti, u dwar modi legali kif wieħed jista’ jpoġġi pressjoni fuq il-gvern sabiex jirrispetta l-libertà tal-espressjoni.

“Il-vjolenza kontra l-ġurnalisti ma tiswiex wisq bħalissa,” spjega iben il-ġurnalista. “Irridu ngħolluh il-prezz tal-vjolenza fuq il-ġurnalisti.”

Dan ingħad waqt konferenza li saret, fejn flimkien ma’ Matthew Caruana Galizia, tkellmet Pavla Holcova, ġurnalista Ċeka li kienet taħdem ma’ Jan Kuciak, l-Islovak li nqatel f’daru fi Frar li għadda.

Holcova qattgħet xahar tiġi protetta mill-pulizija wara l-qtil tal-kollega tagħha, u kellha taqta’ kull komunikazzjoni ma’ familtha u ħbiebha.

Il-ġurnalista qalet li jeħtieġ li l-ġurnalisti jikkomunikaw man-nies, u jiddependu fuqhom. Hu importanti li l-ġurnalisti jispjegaw lis-soċjetà li għandha bżonnhom, li jeħtieġ li jafdaw lill-midja, għax wara kollox, iridu minnha, qalet Holcova.