“Ommi kienet marret funeral ta’ wieħed ‘għax ma kellu lil ħadd'”

Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi rrakkonta kif ommu kienet darba marret funeral ta’ membru tal-paroċċa li ma kellu lil ħadd. Mons. Galea-Curmi kien qed jiġi intervistat minn Colin Fitz u Massimiliana De Martino waqt il-programm Mid-Morning Mag fuq l-istazzjoni tar-radju 103.

AQRA: 3 Maltin u barrani se jindifnu mill-Gvern

Mistoqsi dwar aħbar li ħarġet fil-jiem li għaddew, li erba’ persuni se jkollhom funeral tal-fqar, l-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi sostna li kif spjega tajjeb id-Direttur tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, Dr Christopher Barbara, dawn l-erba’ persuni se jsir il-funeral tagħhom fil-paroċċa li kienu parti minnha. Spjega li għal din il-quddies ikun jista’ jattendi kulħadd.

Mons. Galea-Curmi spjega li l-kapillani ġieli jiltaqgħu ma’ każijiet fejn xi ħadd imut u dan ma jkollux familja, bil-kapillan tal-paroċċa jkun jaf is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna. Saħaq li f’dawn il-każijiet, il-kapillan u l-paroċċa jieħdu ħsieb jagħmlu funeral xieraq għal din il-persuna.

Huwa spjega li ħafna drabi n-nies imorru funeral ta’ xi ħadd li jafu, iżda hemm persuni fil-komunitajiet li jmorru funerali ta’ persuni għax dawn ma jkollhom lil ħadd. Huwa semma li darba ommu li kienet attiva ħafna fil-paroċċa kienet sejra funeral, meta staqsiha jekk tafux hi kienet wieġbet li “le” iżda sejra “għax dan ma għandu lil ħadd”.

Mons. Galea-Curmi spjega li kull persuna fil-komunità għandha tiġi mgħożża u li għandna nfittxu lil dawk li b’xi mod huma maqtugħin jew iħossuhom waħidhom. Kompla jispjega li dan iwaqqaf milli persuna tħossha abbandunata f’ħajjitha. Żied jgħid li dan iwassal biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jingħataw tislima xierqa. L-Isqof stqarr li huwa importanti li wieħed ifittex li jkun ta’ wens għal dawn il-persuni vulnerabbli tul ħajjithom.

“Ħadd ma għandu jħossu abbandunat f’ħajtu,” saħaq l-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi.

Huwa żied jgħid li filwaqt li l-każ ta’ dawn l-erba’ persuni huwa differenti minn dawk li jkun jaf bihom il-kapillan tal-paroċċa, huma xorta se jingħataw l-aħħar tislima b’dinjità.