Kienet instabet lista tal-ħwienet li kienu ffrodaw

Numru ta’ sidien tal-ħwienet xehdu fil-Qorti kif żewġt irġiel u mara xtraw bosta oġġetti b’karti tal-50 foloz.
Fost l-oġġetti li l-akkużati xtraw kien hemm ikel għall-qtates, xorb, pakketti tal-ħelu u ponsjetti.
Huma xehdu fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra żewġt irġiel ta’ 26 u 31 sena mill-Iklin u Birkirkara rispettivament u mara ta’ 21 sena minn Birkirkara.
Huma jinsabu mixlija fost l-oħrajn li xtraw oġetti b’karti tal-flus foloz kif ukoll li għamlu b’madwar €500 fi qligħ bil-bqija li ngħataw.
Fil-Qorti ntqal li wieħed mis-sidien kiteb in-numru tal-pjanċi tal-karozza li kienu qed jużaw l-akkużati u għaddih lill-Pulizija u dan wassal biex il-karozza nstabet ipparkjata f’Marsalforn.
Il-Pulizija sabu lista b’numru ta’ ismijiet ta’ ħwienet li l-akkużati kellhom l-intenzjoni li jiffrodaw bil-karti tal-flus foloz.
Fit-tfittxija fir-residenza tal-mara f’Birkirkara nstabet il-kokaina u l-kannabis.
Il-każ se jkompli nhar it-Tlieta li ġej.