Kienet ġiet ir-raba’ fiż-Zecchino d’Oro

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ittellgħet it-62 edizzjoni tal-festival Zecchino d’Oro. Tul s-snin bosta kienu l-Maltin li taw is-sehem tagħhom b’riżultati mill-aqwa.

Fost dawn insibu lil Mary Rose Darmanin minn Ħaż-Żabbar, li ħadet sehem fis-sitt edizzjoni li saret bejn it-28 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 1964. Hija nterpretat La Piuma Rossa ta’ Sandro Tuminelli u Aldo Rossi.

Kienet sena partikolari fejn fl-Italja kien hemm għaddejjin xi strajkijiet u fil-fatt din kienet l-unika edizzjoni li ma xxandritx b’mod dirett. Mary Rose kienet ikklassifikat fir-raba’ post.

Ritratt: Is-sitt edizzjoni taż-Zecchino fl-1964

Illum il-ġurnata forsi taħsbu li b’Mary Rose m’għadkomx tisimgħu, imma għandkom żball għax Mary Rose illum il-ġurnata hija Mary Rose Vella Haber, il-mara ta’ Michael Vella Haber ta’ Rewind Productions. Hija involuta minn wara ‘l kwinti ta’ bosta produzzjonijiet televiżivi bħal Sorelle, F’Ġieħ L-Imħabba, Ħbieb u Għedewwa, Ċirkostanzi, Manwela u Żafira fost oħrajn.

Ritratt: Facebook/MaryRoseVellaHaber

Mary Rose bdiet tkanta ta’ 8 snin fil-Birgu meta kantat L-Għada tal-Festival ma’ Vitorin ta’ Giuseppe Ciappara. Imbagħad bdiet tipparteċipa fil-festivals fosthom Il Canarino d’Oro u Iż-Zecchino d’Oro.

Fl-1967 Mary Rose ħadet sehem u saħansitra rebħet il-Malta Song Festival permezz ta’ Serenata. Il-mistieden speċjali f’din is-serata kien l-attur Roger Moore.

Sentejn wara reġgħet ħadet sehem fil-Malta Song Festival fejn klassifikat fit-tielet post bil-kanzunetta It-Talba / La Preghiera.

Mary Rose damet tkanta sal-età ta’ 16-il sena.

Minbarra l-kant, hi kienet tħobb ukoll il-palk u kienet ħadet sehem fost oħrajn fil-play Rosetta li kienet ittellgħet fl-Istitut Kattoliku.

Ġieli rajtuha wkoll tirreċtafuq it-televiżjoni fi Ħbieb u Għedewwa. Din is-sensiela damet għaddejja għal ħames snin fuq TVM u mistennija tirritorna għas-sitt u l-aħħar staġun fi Frar tas-sena d-dieħla. L-istazzjon li se jkun qed ixandarha għadu mhux magħruf.

Mary Rose fuq issett ta’ Ħbieb u Għedewwa

Kienet ukoll tikteb l-iskripts tas-sensiela Mela Isma’ Din.