Awdjo: Kien waħdu imma kellu l-hena – żagħżugħa li ltaqgħet mal-eremita t’Għajn Tuffieħa

Tfajla ta’ 19-il sena li ltaqgħet mal-eremita li kien jgħix f’Għajn Tuffieħa qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-aktar ħaġa li impressjonata fir-raġel kienet “l-hena fuq wiċċu” minkejja li kien jgħix waħdu.
Joe Vella li kien jgħix ma’ kważi għoxrin qattusa f’għar, miet f'Ġunju li għadda fl-età ta’ 65 sena.
Sephora Caruana, li kellha x-xorti tiltaqa’ mal-eremita kważi xahrejn ilu spjegat li kienet qed timxi fl-inħawi ta’ Għajn Tuffieħa flimkien ma’ sħabha meta ltaqgħu mal-eremita. Qalet li minkejja li kien eremita, ir-raġel kien soċjevoli ħafna.
Ir-raġel spjega liż-żgħażagħ fejn u kif kien jgħix. Qallilhom li kien jiekol minn dak li jagħtuh il-Maltin u t-turisti li jgħaddu minn hemm u anke xi frott u ħxejjex li kien ikabbar hu stess.
Sephora qalet ukoll li fejn kien jgħix l-eremit ma kienx hemm elettriku iżda l-veduta li kien imdawwar biha “kienet tal-ġenn.” Urihom ukoll l-għajn li minnha kien jixrob u anke jinħasel.
Illum il-ġurnata l-unika memorja ta’ Joe Vella hija s-Santa tal-mewt fl-għar fejn kien jgħix u l-qtates li għadhom jistennewh.

Ritratt: Sephora Caruana