“Kien summit diżappuntanti” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, is-summit tal-Kunsill tal-Ministri fi Brussell li għalih attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat, kien wieħed diżappuntanti.

Dan għaliex il-Prim Ministru Malti la ġab soluzzjonijiet f’idu u lanqas azzjoni konkreta. Dan peress li fil-proposti tal-immigrazzjoni, m’hemmx referenza speċifika għal Malta.  

Mistqosi dwar il-liġi taċ-ċittadinanza li se tibda tiġi diskussa fil-Parlament, il-Kap tal-PN qal li din mhix inċentiva biex jiġi l-investiment f’pajjiżna u għalhekk “il-PN se jkun qed jopponi bil-qawwa kollha għaliha”.

Bil-kontra ta’ dan, fuq tema differenti, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel pass storiku u jivvota favur id-dritt tal-unjoni ċivili.

Dwar dan, meta intervistat fuq Radio 101, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li se jsir dan il-pass għax id-direzzjoni tal-PN hi li jkun inklussiv.

Chris Said tkellem ukoll fuq il-mira tal-PN li għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jirbaħ it-tielet siġġu u l-ikbar numru ta’ voti possibbli wara t-telfa ta’ 35,000 vot f’Marzu li għadda.

Matul l-intervista spikkat is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit. Chris Said sostna li l-problemi qed jiġu indirizzati u se jkun hemm rifoma ta’ kif il-PN juża’ l-ispazju tal-proprjetà li għandu b’mod aħjar. Qal ukoll li sar nhar l-Erbgħa, l-impjegati kollha se jkunu tħallsu l-paga t’Ottubru. 

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt b'ismek u kunjomok.