“Kien Schembri li ta konsulenza lil Hillman; Abela għamlu Ministru” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kien il-Ministru Silvio Schembri li ta konsulenza fil-Malta Gaming Authority lil Adrian Hillman, li ntemmlu l-kuntratt din il-ġimgħa, u l-Prim Ministru Robert Abela għamlu Ministru.

Delia kien qed jitkellem waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat.

F’diskors Delia spikka kliemu fuq it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ Adrian Hillman din il-ġimgħa. Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ħabbar fuq Twitter li lil Hillman temmewlu l-kuntratt peress li kien qed jieħu pagamenti intenzjonati għall-MGA permezz tal-konsulenza tiegħu. Delia qal li din il-konsulenza tahielu Silvio Schembri meta kien Segretarju Parlamentari għall-Gaming. Ikkummenta li l-Prim Ministru Robert Abela lil Schembri tah ministeru minflok ikkastigah. Schembri issa huwa Ministru għall-Ekonomija. Delia qal li l-maskra li jilbes Abela ħa jneħħuhielu u juru kif jaġixxi verament.

Insista wkoll li sid il-kumpanija Nexia BT Brian Tonna għandu jiġi investigat.

“Abela ppremja lil min ipproteġa l-kriminali”

Dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, Delia qal li kulħadd riedu jitlaq. Delia fiehem li l-konsulenza ta’ tliet snin mogħtija lil Cutajar mal-Ministeru għall-Intern Abela tahielu bi ftehim biex dan jirriżenja. “Dak il-Prim Ministru l-ġdid, dak il-mod ġdid kif nagħmlu l-politika,” sostna Delia, “li nippremjaw lil min ipproteġa lill-kriminali.” Delia qal li Abela jinnegozja mal-kriminali, jirringrazzjahom u jħallashom. Insista li jrid jinbena il-Korp tal-Pulizija mill-ġdid.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem fuq il-Parlament u qal li stenna bi ħġaru l-ewwel diskors ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, iżda kulma qal dan kien li rċieva r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru u hu aċċettaha. Delia tkellem ukoll fuq il-baġit tal-Parlament, li skontu, jintuża ħafna iktar mill-Gvern milli mill-Oppożizzjoni. Huwa stagħġeb kif meta hu talab għal xi riżorsi, Abela allega li Delia qed jipprova jsolvi l-problemi finanzjarji tal-PN b’din it-talba.

Dwar ir-rapport ta’ Transparency International, Delia semma dak li qalet is-CEO tal-għaqda li jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jinqatgħu mill-privatizzazzjoni. Delia qal li l-Gvern ma jaqbilx li jinqata’ minn sistema ta’ korruzzjoni, u għalhekk ir-reputazzjoni ta’ Malta se tibqa’ ssofri. Delia semma wkoll l-istudju li deher f’The Economist din il-ġimgħa li qal li f’Malta d-demokrazija falliet.