Kien raġel li sab u ħa l-għassa lit-tifel maħrub mill-iskola

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qed tlesti rapport dwar il-każ li żvela lbieraħ Newsbook.com.mt, fejn tifel ħarab mill-iskola Primarja tal-Fgura mingħajr ħadd ma nduna.
It-tifel, li kien qed jattendi Skola Sajf, ħareġ mill-iskola fi Triq il-Kitba, niżel it-triq, qasam żewġ karreġġjati fi Triq Hompesch, li hija traffikuża u waqaf quddiem supermarket fi Triq is-Sur.
Fl-istqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Edukazzjoni jumejn wara li seħħ il-każ, intqal li meta s-support LSAs indunaw b’dak li ġara, ħarġu mill-iskola biex ifittxuh u nstab iktar tard fil-qrib.
Għaldaqstant Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li t-tifel ma nstabx mill-għalliema responsabbli imma minn raġel li nduna bih u ħadu l-għassa tal-pulizija fil-Fgura.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-pulizija marru fl-iskola Primarja fil-Kulleġġ Thomas Moore biex ikellmu lil dawk responsabbli.
Jirriżulta li omm it-tifel saret taf b’dak li ġara mill-pulizija tal-għassa, li għadhom qed jinvestigaw il-każ.