Kien Paceville minflok id-dar; 6 xhur ħabs

Raġel li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ġie kkundannat sitt xhur ħabs filwaqt li tilef €10,000 f’depożitu u €14,000 f’garanzija personali. Dan wara li ħareġ waqt il-ħinijiet li suppost kien id-dar.

Ir-raġel huwa Portugiż u ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti fejn bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih f’każ ta’ allegat fastidju u stupru fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel reġa’ spiċċa l-ħabs wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’Marzu.

Huwa reġa’ ġie arrestat wara li allegatament kien f’Paceville, liema ħarġa spiċċat fuq filmat.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fid-deċiżjoni tagħha osservat li r-raġel kien ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-arrest meta huwa kien Paceville minflok id-dar.

Il-Qorti qalet li bla dubju r-raġel li jidher fil-filmat huwa l-akkużat li jidher fl-istabbilment wara l-10pm.

Huwa nstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u ġie kkundanat sitt xhur ħabs, bil-Qorti tordna li jerġa’ jiġi arrestat immedjatament.