“Kien lest iwarrab id-dwejjaq, iħares lejn l-udjenza u jferraħha”

Fr Victor Paul Farrugia qal li f’mumenti diffiċli, l-attur George Micallef kien lest iwarrab id-dwejjaq, iħares lejn l-udjenza jew jaħseb f’min qed jarah fuq it-televixin u jwasslilhom il-ferħ li jkollhom bżonn.

Illum ingħata l-aħħar tislima l-attur George Micallef, li kellu 76 sena meta miet nhar it-Tnejn li għadda. Il-quddiesa tal-funeral saret fil-Knisja San Pawl fil-Belt Valletta, knisja li kienet għal qalbu ferm bħala Pawlin.

Fl-omelija, Fr Farrugia ddeskrivieh bħala “xempju ta’ bniedem tal-familja.” Qal li kellu mħabba kbira lejn martu, li kienet il-mimmi t’għajnejh, u lejn uliedu, li stinka kemm felaħ biex jistudjaw u jsibu posthom fil-ħajja. Il-qassis qal li Micallef għex il-ġranet tal-marda ta’ martu bi tbatija, iżda baqa’ juri mħabba vera lejha, u din l-imħabba saħansitra baqa’ juriha wara mewtha.

Żied jgħid li George Micallef se jibqa’ ħaj fid-diversi karattri li ħoloq, partikolarment ma’ ħuh Mario Micallef u mal-ħabib u kollega tiegħu Hector Bruno. Stqarr li għal George, kienet vokazzjoni li jferraħ, biex jeqred il-pessimiżmu, in-negattiviżmu u d-dwejjaq. Xebbah lil George ma’ Ġesù f’dan id-don li jferraħ lil ta’ madwaru.

Il-qassis temm l-omelija billi ddeskriva lil George Micallef bħala “il-veru Pawlin” għax fl-10 ta’ Frar kont tarah bilqiegħda fl-ewwel sedja tal-kor biex jieħu sehem fil-ponitifikal tal-festa. Qal li kien Pawlin ta’ veru għax il-ġranet tal-festa kien iqaddishom u kien jagħmel l-almu tiegħu tul il-kumplament tas-sena li t-tagħlim ta’ San Pawl iwettqu fil-ħajja ta’ kuljum.