“Kien l-agħar staġun għall-kaċċa illegali” – Birdlife

L-għaqda BirdLife Malta issostni li l-aħħar staġun tal-kaċċa kien l-agħar waħda għall-kaċċa illegali. Irrimarkat li l-livell ta’ infurzar qed jonqos filwaqt li l-kaċċa illegali qed terġa’ tiżdied.
Fi stqarrija, il-Birdlife qalet li bejn Jannar u Diċembru li għadda, inġabru 82 għasfur mill-Birdlife u l-Pulizija, wara li spiċċaw fil-mira ta’ kaċċa illegali.
Hekk kif ilbieraħ ġie fit-tmiemu l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa li beda fl-1 ta’ Settembru, il-BirdLife saħqet li dan kien l-agħar wieħed fl-aħħar ħames snin, fejn inġabru 62 għasfur protett.
L-għaqda elenkat lista sħiħa ta’ għasafar protetti li nġabru fl-istaġuni li għaddew, bl-inqas ikun fl-istaġun tal-ħarifa 2015-2016 u 2016-2017 fejn inġabru 17-il għasfur protett.
Fl-istaġun 2013-2014 inġabru 43 għasfur protett u 21 għasfur protett fl-istaġun 2014-2015.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=iwmZd8jC9aQ]

B’referenza għar-rapport li ġie ppubblikat mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU), Birdlife tgħid li t-taqsima semmiet biss sitt każi ta’ apparat li jattira l-għasafar u li ġew sekwestrati fl-istaġun li għadda.
L-NGO kompliet tisħaq li anke l-ALE fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għandhom nuqqas ta’ riżorsi speċjalment umani u ma jistgħux iwieġbu għar-rapporti kollha li sarulha.
L-għaqda ppubblikat id-dokkmentazzjoni tar-Rapport Camp annwali fejn il-voluntiera jingħaqdu mal-istaff tal-organizzazzjoni biex jissorveljaw il-kaċċa illegali tul l-istaġun.
Fl-24 ta’ Jannar, il-Kumitat Ornis ta l-kunsens għall-istaġun li jmiss fir-rebbiegħa minkejja li l-parametri għadhom ma ġewx diskussa.