“Kien joqgħod jismagħni fuq ir-radju” – Angela

Bħal-lum 38 sena Angela Agius iżżewwġet lir-raġel tagħha Joe Azzopardi u għal din l-okkażjoni ħallietlu messaġġ qasir u sinjifikattiv.

“Ejja ħalli nixjieħu flimkien!” kitbet hi waqt li awguratlu f’okkażjoni tal-anniversarju tagħhom.

L-istorja ta’ Angela u Joe hi waħda interessanti. Angela, mir-Rabat, kienet tkun is-Saqajja u dak il-ħabta Joe flimkien ma’ sħabu kienu jitilgħu hemmhekk. Kien ħa interess f’Angela u staqsiha biex toħroġ miegħu.

“Imma l-ewwel date ma mortlux!” irrakkuntatilna waqt li żiedet tgħid li dan il-fatt ma qatax qalb Joe għax kien jaf xi jrid.

Madanakollu mhux kollox kien dejjem faċli għax dak iż-żmien Joe kien jaħdem il-Libya u kien iżomm kuntatt billi jisma’ lil Angela fuq ir-radju. Kien jibgħatilha l-ittri ma’ air hostess tal-Libyan Arab Airlines u b’hekk setgħu iżommu kuntatt.

Huma żżewwġu fl-1981 u ftit snin wara kellhom lil Lara.

Angela u Joe ma’ binthom Lara

Filwaqt li Lara bla dubju hija l-ikbar imħabba ta’ ħajjithom Joe u Angela għandhom żewġ passjonijiet komuni: il-muturi u d-dgħajsa.

Lil Angela tistgħu ssegwuha fil-programm Niskata li jixxandar fuq TVM mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-12.15pm u 3pm. Il-ġimgħa d-dieħla l-programm ma jkunx qed jixxxandar fil-Jum tal-Milied u l-għada l-Ħamis 26 ta’ Diċembru meta dakinhar tkun qed tixxandar L-Istrina.