“Kien jaġixxi tas-Samaritan it-Tajjeb anke meta kien marid” – Fr Brendan dwar Terry

Fr Brendan Gatt qal li Terry Farrugia kien jaġixxi tas-Samaritan it-Tajjeb anke meta kien għaddej minn żmien ta’ sofferenza meta kien marid, billi kien jagħti l-flus lil dawk fil-bżonn u kien jara li jsib ħin għal kulħadd.

Aqra: Illum tingħata l-aħħar tislima lil “Terry tal-Bay u tal-Vibe”

Fl-omelija tal-quddiesa tal-funeral tax-xandar Terry, magħruf għall-programm Terry Time li kellu fuq ir-radju fid-disgħinijiet, Fr Brendan irrakkonta li madwar sena u nofs ilu, Terry kien tah somma flus biex jużaha biex jgħin lil dawk fil-bżonn, u Fr Brendan kien uża parti minnha biex jgħin lil familja li kellhom tifel bil-ħtieġa għal trattament barra minn Malta, xi ħaġa li Terry ħa ħafna gost biha. Barra minn hekk, Fr Brendan qal ukoll li l-ġenerożità tiegħu wrieha billi qasam ħinu mal-oħrajn u sab ħin għal kulħadd.

Aqra: Titħabbar il-mewt ta’ “Terry tal-Bay u tal-Vibe”

Terry beda l-karriera tiegħu fil-bidu tad-disgħinijiet mal-Island Sound Radio bil-programm Terry Time. Hu mbagħad beda jaħdem ma’ Bay Radio u wara ma’ Vibe FM. Hu ilu jmexxi l-istazzjon Vibe FM mill-2009. Skont Fr Brendan, bħala mgħallem, huwa kien jara t-talent u jara kif isaqqih ħalli jarah jikber, u jara kif se jgħaqqad lill-ħaddiema tiegħu.

Il-qassis ikkumpara l-mewt ta’ Terry ma’ dak li fid-dinja tar-radju jsejħu “dead air,” jiġifieri mument ta’ silenzju meta ma jingħad jew jindaqq xejn li jinħass skomdu. Qal iżda, li mewt Terry, lanqas hija mument ta’ dead air sa barra, għaliex Terry xorta waħda baqa’ preżenti u baqa’ jkellem lil dawk qribu, lil martu, uliedu, u ħbiebu. Ikellem ukoll lin-nies permezz tal-eżempju li ta, u tal-fidi li kien juri. Il-vuċi tiegħu, qal Fr Brendan, nistgħu nisimgħu b’qalbna u b’ruħna, mhux b’widnejna.

Aqra: “Terry tal-Bay u tal-Vibe” fi bżonn ta’ €500,000 biex ifiq mill-kanċer

Kompla jgħid li Terry kellu fidi qawwija fil-Mulej, u kien dejjem jistaqsi dwar l-Iskrittura biex jipprova jifhem aħjar. Anke meta saħħtu kienet sejra mill-ħażin għall-agħar, sab qawwa u kuraġġ fit-talb. Skont Fr Brendan, kien bniedem li japprezza u wera dan billi ġab eżempju billi rrakkonta kif meta l-ispeċjalisti qalulu li medikament ma seta’ jsir xejn aktar, huwa sejjaħ lill-infermiera f’kamartu u rringrazzjahom ta’ kemm ħadu ħsiebu.

Fr Brendan qawwa qalb il-familja ta’ Terry, u lil martu Krista qalilha li meta raha ħdejn is-sodda ta’ Terry fl-isptar, fakkritu fl-immaġni tad-Duluri ħdejn Kristu fuq is-salib, tinkoraġġih biex jegħleb is-sofferenza li kien għaddej minnha. Huwa temm jgħid li “Terry Time” forsi spiċċa, imma Terry Eternità tibda issa.