​“Kien isawwatna bil-ktajjen tal-Ġimgħa l-Kbira” – Bint

Mara tirrakkonta kif meta kienet żgħira, missierha kien għamel wiegħda li jmur jimxi bil-ktajjen fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira imma kien b’dawn il-ktajjen stess li kien isawwat lilha u lil ħutha.  
Dan ir-rakkont dwar l-imġiba krudili tal-missier lejn uliedu jirriżulta minn riċerka li għamlet il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja, Dr Clarissa Sammut Scerri għall-ktieb Intervening after violence – therapy for couples and families.
Dr Sammut Scerri semmiet dan il-każ fil-programm Newsline fuq RTK, fejn spjegat li ma kinitx tistenna li persuna devota taghmel dawn l-affarijiet kontra uliedha stess. Qalet li dawn il-każi jġibu reazzjoni qawwija u l-vittmi għandhom bżonn li l-vuċi tagħhom tinstema’.
Ma hemmx skuża għall-vjolenza
Dr Sammut Scerri spjegat li m’hemmx skuża għall-vjolenza u li din tieħu forom differenti, fosthom billi persuna ċċaħħad persuna oħra mid-drittijiet tagħha fil-familja.
Għall-istudju tagħha,  Dr Sammut Scerri intervistat nisa li trabbew f’ambjent ta’ vjolenza domestika. Qalet li kien hemm każi fejn il-pulizija kienu jgħinu ‘l vittmi u każi oħra fejn il-pulizija kienu jafu lill-aggessur u m’għamlu xejn biex jiddefendu ‘l vittmi.
Vittma tal-vjolenza mhux bilfors tirrepeti l-istorja
Fl-intervent tagħha, Dr Sammut Scerri tenniet il-fatt li persuna tkun trabbiet fil-vjolenza domestika ma jfissirx li ‘l quddiem se tirrepeti l-istorja. Qalet li mis-saram jista’ jkollok relazzjoni tajba.
Saħqet li l-vjolenza hi att kriminali u ma jfissirx li għax din isseħħ fil-familja, għandna nibqgħu siekta.
Mhux magħruf kemm tfal jgħixu fil-vjolenza
Dr Sammut Scerri qalet li għad m’hemmx idea ta’ kemm tfal qed jgħixu f’ambjent ta’ vjolenza domestika. Spjegat li din l-informazzjoni hi meħtieġa sabiex is-servizzi jkunu mmirati lejn dawn it-tfal li għandhom bżonn din l-għajnuna f’ħajjithom.
Spjegat li riżultat tar-riċerka li ssir mid-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja, issir ħidma id f’id mal-Aġenzija Appoġġ, fost l-oħrajn biex jingħata taħriġ dwar tfal li jkunu aggressivi mal-ġenituri tagħhom.
Għada huwa l-Jum internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa.
Jekk inti, jew xi ħadd li taf, hu vittma tal-vjolenza domestika, ċempel għall-għajnuna fuq 179.