“Kien ineżżagħni, ineħħili l-hijab u jsawwatni” – refuġjata mis-Somalja

REUTERS/Jon Nazca

Khadra, żagħżugħa mis-Somalja, irrakkuntat kif iffaċċjat swat u umiljazzjoni ta’ kuljum minn sid il-kantina fejn kienet toqgħod flimkien ma’ 300 persuna oħra meta ppruvat taħrab minn pajjiżha għal-Libja għal ħajja aħjar.

Hi u tirrakkonta l-istorja tagħha ma’ The Real Story fl-2018, Khadra spjegat kif meta waslet il-Libja, ittieħdet ġo binja kbira f’ħafna nies u talbuha tħallas $8,000. In-nies hemmhekk kellhom ħafna problemi, uħud minnhom morda serjament. Hi ma kellhiex dawn il-flus, u lanqas ommha lura s-Somalja. Ommha kkunsidrat li tbigħ darha biex bintha jkollha tama għal ħajja aħjar, imma kieku ma kienx ikollha fejn tgħix. Khadra qalet lil ommha biex ma tinkwetax, għax Allah se jieħu ħsiebha.

L-istorja ta’ Khadra hija waħda mill-istejjer tal-immigranti li jissemmew f’rapport ippubblikat riċentament mill-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-Kunsill tar-Refuġjati Daniż permezz taċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni Mħallta (MMC) fi ħdanu. Dan iċ-ċentru jintervista aktar minn 10,000 refuġjat u immigrant ta’ kull sena fuq rotot differenti li jieħdu l-immigranti madwar id-dinja. Ir-rapport hu bbażat fuq refuġjati u immigranti li ħadu r-rotta minn taħt id-Deżert Sahara sal-Afrika ta’ Fuq fl-2018 u l-2019.

“Lili ma stuprawnix il-Libja imma sawtuni”

Lil sid id-dar tiddeskrivih bħala raġel kattiv li kien jisker u jsawwat u jistupra lit-tfajliet. Lilha qatt ma stupraha, imma kien isawwatha. Lil tfajliet oħra kien jistuprahom. Lil Khadra kien joħroġha barra ta’ kuljum u jistaqsiha jekk għandhiex il-flus. Kien jitfgħalha barmil ilma kiesaħ, ineżżagħha quddiem kulħadd, ineħħilha l-hijab. Baqgħu jhedduha għall-flus, jhedduha li se joqtluha jekk ma tagħtihomx $8,000. Eventwalment riedu mqar $4,000 mingħandha. Zijuha taha $2,000, bit-tama li sid id-dar jibda jittrattaha aħjar.

Lil Khadra kien iqabbadha tnaddaf kullimkien, u jekk jilmaħ anke traba waħda, kien jaqbad isawwatha. Lis-subien kien iġegħilhom joħorġu barra, joqogħdu mal-ħajt u kien ineżżagħhom u jsawwathom. Lit-tfajliet kienu jiġu joħduhom f’nofs ta’ lejl u ma kellhomx għażla ħlief li jmorru. Khadra tgħid, iżda, li Allah qatt ma ppermetta li lilha jiġrilha hekk.

Kulma setgħu jagħmlu, qalet Khadra, jibku xortihom.