“Kien ikun aħjar li kieku ma pproponew xejn” – Il-PM

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li wara li qara d-dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar il-baġit, ikkonkluda li kien ikun aħjar li kienu l-PN ma ppropona xejn, għax skontu d-dokument huwa kuntradittorju u ma jirriflettix il-kredenzjali li partit għandu jkollu biex imexxi l-ekonomija ta’ Malta.
Dr Muscat elenka punti mid-dokument tal-PN, A Sharing Economy, waqt attivita politika fl-Imsida.
Fost l-oħrajn, il-PM qal li l-PN kiteb li t-taxxi għolew fl-aħħar 10 snin, rrimarka li fil-verità għolew meta kien hemm Gvern Nazzjonalista u traħħsu minn 4 snin ’l hawn.
Semma wkoll il-kumment tal-PN li l-applikazzjonijiet għad-djar tal-Gvern splodew, u wieġeb li skont statistika uffiċjali l-applikazzjonijiet niżlu minn 839 fl-2012 għal 637 fl-2017.
Żied jgħid li l-PN jenfasizza fid-dokument li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb għax sejra tajjeb l-ekonomija fl-UE, iżda mbagħad, skont Dr Muscat, jikteb li qed ibassar li l-ekonomija fl-UE tibqa’ mwiegħra.
Meta tkellem dwar il-baġit li l-Gvern se jippreżenta bħal għada ġimgħa, il-PM qal li se jkun tajjeb daqs il-baġits kollha ta’ qablu, filwaqt li rrimarka li tfassal bil-ħsieb li jiffoka fuq il-ġenerazzjonijiet li jmiss.
“L-Ewropa m’għadhiex twiddibna minħabba nfiq eżaġerat fl-elezzjonijiet”
Dwar l-indħil tal-UE fil-baġit, Dr Muscat qal li għall-ewwel darba għall-baġit li ġej l-UE mhux se tkun qed iddaħħal lil Malta fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Dan isir meta Gvern jonfoq iżżejjed fuq kampanja elettorali, u jidħol dal-mekkaniżmu li jimponilu kif jagħmel il-baġit.
Irrimarka li dan juri li l-Gvern għandu ċiklu ekonomiku, mhux elettorali.
Investiment minn Alibaba
Il-PM ħabbar ukoll li l-Gvern jinsab qrib li jistabbilixxi negozju mal-ġgant tax-xiri onlajn, Alibaba, li skontu jista’ jsarraf f’pass kruċjali għall-industrija tal-gaming f’Malta.
Jekk il-ftehim jintlaħaq, kompla Dr Muscat, il-kumpaniji lokali tal-gaming ikunu jistgħu jidħlu fis-suq Ażjatiku.