Kien hemm uffiċjali tas-sigurtà f’Malta taħt il-kmand ta’ Neville Gafà – xhud

Xhieda jgħidu li Gafà ried iħallashom sa €300,000 biex ma jitkellmux

Xhud f’każ dwar ħlas għal visas mediċi allega li kien hemm uffiċjali tas-sigurtà f’Malta taħt il-kmand ta’ Neville Gafà.

Dan ħareġ illum fil-Qorti meta rġiel Libjani kienu qed jixhdu f’każ ta’ libell li Gafà fetaħ kontra l-editur ta’ The Malta Independent on Sunday David Lindsey. Dan wara li l-gazzetta żvelat l-allegat skandlu li kien involut fih Gafà.

Raġel Libjan qal li Neville Gafà kien offrielu bejn €200,000 u €300,000 biex hu ma jixhidx fil-qorti.

Għadd ta’ Libjani xhedu llum permezz ta’ video mil-Libja. Dawn kollha qalu li Gafà kien talabhom €2,500 għal visas mediċi f’Malta. Dak iż-żmien, il-Gvern Malti kien qed joffri trattament bxejn lill-vittmi tal-vjolenza fil-Libja.

Wieħed mill-irġiel qal li meta kien l-isptar f’Malta fl-2014 kien hemm uffiċjali tas-sigurtà barra l-bieb tal-kamra tiegħu u tal-kmamar tal-vittmi Libjani l-oħra. L-uffiċjali qaluli li kienu qed jobdu struzzjonijiet ta’ Neville Gafà.

Ir-raġel qal li Gafà kien introduċu lilu nnifsu miegħu bħala “l-aġent tas-saħħa ta’ Malta”.

Allegatament, Gafà qal lil dawk li ma kellhomx biżżejjed flus biex iħalsuh biex jagħmlu kuntatt mal-qraba tagħhom fil-Libja u jgħidulhom jibgħatulhom il-flus.

Il-każ ikompli. L-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo dehru għal Gafà. L-avukat tad-difiża huwa Peter Fenech.

F’Jannar, Ivan Grech Mintoff qal ukoll li l-Uffiċjal fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà pprova jħallas lin-nies biex ma jixhdux kontrih fil-Qorti b’rabta mal-allegat skandlu tal-visas mediċi. Grech Mintoff allega li tpoġġiet pressjoni fuq għadd ta’ ċittadini Libjani biex ma jixhdux kontra Gafà u allega li Gafà mar il-Libja f’attentat li jipprova jwaqqaf lill-irġiel Libjani milli jixhdu kontrih.

‘Neville Gafà pprova jħallas lin-nies biex ma jixhdux kontrih’ 

Neville Gafà ilu jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn Jannar tal-2019. Din l-informazzjoni ħarġet mit-tweġiba tal-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija parlamentari mill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Reċentament, Muscat kien qal li ma jafx għal liema dipartiment tal-Gvern kien jaħdem Gafà . Gafà kien beda jaħdem bħala Direttur tal-Proġetti fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) f’April tal-2014. Tkeċċa f’Diċembru tal-2018. Kien qed jitħallas €30,000 u kien qed jingħata mobile u internet b’xejn. Fost allowances oħra, Gafà kien qed jaqla’ sa €10,002 oħra. Din l-informazzjoni kienet ħarġet minn mistoqsija parlamentari tal-MP tal-PN Claudette Butigieg lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fl-2017.

Gafà ilu jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn Jannar