‘Kien hemm siġilli li kellhom isiru iktar minn darba’ – l-Awtorità tal-Ippjanar

Miguela Xuereb

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li kellha tagħmel is-siġill mar-remissa fejn kienu jgħixu l-immigranti iktar minn darba fil-Marsa.

Il-ġimgħa l-oħra l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien ma’ uffiċjali tas-saħħa u l-immigrazzjonijiet u għadd ta’ pulizija minn sezzjonijiet differenti, marru jagħlqu l-istalel li hemm fi Sqaq il-Ġerrejja kantuniera ma’ Sqaq l-Istalel fil-Marsa.

AQRA: Filmat u Ritratti: Massimu ta’ 200 persuna jgħixu fl-istalel; arrestati 37

Newsbook.com.mt staqsa lill-Awtorità jekk tikkonfermax li nqatax is-siġill mal-bibien biex reġgħu daħlu jgħixu n-nies hemm hekk.

Is-siġilli li kien hemm mal-bibien tal-istalel fejn kienu qed jgħixu l-immigranti saru mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan ġie kkonfermat mill-kelliem għall-istess Awtortià. Huwa spjega li fejn kien hemm is-siġilli maqtugħin dawn reġgħu saru mill-Awtorità, biex ikunu żguri li l-persuni ma jibqgħux jgħixu hemm hekk.

Il-kelliem saħaq li kien hemm remissa fejn dan kellu jsir iktar minn darba.

Mistoqsi x’ġara minn nies li kien hemm jgħixu fl-istalel, il-kelliem sostna li l-kompitu tal-Awtorità huwa li tara li ma jsirx bdil ta’ użu illegali. Temm jgħid li dan huwa irrispettivament minn min ikun qed isir tali bdil ta’ użu.

Mhux magħruf x’sar mill-immigranti li kienu jgħixu hemm hekk. Numru ta’ immigranti kienu arrestati dakinhar. Il-fondazzjoni aditus kienet staqsiet fejn se jorqdu bil-lejl dawn l-immigranti.

Is-sena l-oħra kien hemm każ ieħor ta’ ħaddiema barranin jgħixu f’razzett tal-baqar f’Ħal Qormi. Xi uħud minn dawk li nstabu jgħixu fir-razzett kienu eventwalment intbgħatu lura.

Aqra iktar:

Ritratti: 110 persuni jgħixu minflok il-baqar; jagħlqulu r-razzett

Ritratti: L-immigranti wara li tkeċċew mir-razzett tal-baqar

Xi wħud mill-immigranti tar-razzett se nibagħtuhom lura l-Italja – il-PM

Persuni f’razzett: Mhux kompitu tal-Ministru tal-immigrazzjoni