“Kien hemm pjan minn qabel biex ifalli l-kuntratt tal-VGH” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kien hemm pjan minn qabel biex ifalli l-kuntratt li sar ma’ Vitals Global Healthcare (VGH).
Huwa qal dan waqt attività tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa li matulha fakkar kif il-Gvern kellu quddiemu għażla u minflok ma għażel kumpanija b’esperjenza, għażel lill-VGH, kumpanija li fi kliemu ħadd ma jaf min hi u li ma għandha l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa.
Waqt li fakkar fil-bejgħ tal-konċessjoni tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Kap Nazzjonalista qal li waqt li l-Gvern kien jaf li l-VGH kellhom problema finanzjarja, tant li dejnu l-art, ħallihom jinnegozjaw huma stess ma’ ħaddieħor.
Saħaq li jekk tqabbad lil xi ħadd u jfalli, tieħu l-art lura u mhux tħallih jinnegozjaha.
“Irridu l-isptarijiet tagħna lura,” insista Adrian Delia waqt li ddeskriva l-Gvern bħala ħalliel li qed jisraq lill-pajjiż u li ġie jaqa’ u jqum mis-saħħa tal-poplu.
“Il-Partit Laburista kellu raġun imma…”
Dr Delia beda d-diskors tiegħu billi insista li dak kollu li għal snin twal bnew Gvernijiet Nazzjonalisti, fi ftit snin “iżżarma, tkisser u ntrema” mill-Partit Laburista.
Qal li l-Partit Laburista kellu raġun meta qal li kellu pjan ta’ għaxar snin u li se jidħol f’kull settur, iżda kompla jgħid li l-pjan kien li l-Gvern jaħtaf u ma jħalli xejn warajh waqt li “jħassar mill-qiegħ” kull settur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu kien mgħammad għax il-Gvern qassam mill-ġid li żera’ l-Partit Nazzjonalista, imma qal li quddiem soċjetà li qed “titherra,” il-poplu qed jintebaħ u jinduna li waqgħet il-maskla tal-Gvern.
“Il-Gvern gideb dwar it-toroq”
Tkellem dwar is-settur tat-toroq u għajjar lill-Gvern giddieb meta qal li se jagħmel investiment ta’ €700 miljun fit-toroq. Semma toroq fiż-Żurrieq, fiż-Żejtun u anke f’Marsaxlokk li minkejja li nqalgħu, u hemm periklu għar-residenti u tfal tal-iskejjel, ix-xogħol fihom jinsab wieqaf.
“L-edukazzjoni ma tiswa xejn għall-Gvern”
Dwar l-edukazzjoni qal li għall-Partit Laburista, din ma tiswa xejn u minflok qed jipprova jagħlaq ħalq l-għalliema u l-istudenti.
Dr Delia fakkar fil-mozzjoni li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq fil-Parlament biex l-art fiż-Żonqor tingħata lura lill-poplu, waqt li fakkar li għall-Università Amerikana, li kellha tilqa’ fiha 4,000 student, applikaw biss 15.
Delia jistieden lil Owen Bonnici
Il-Kap Nazzjonalista rrefera wkoll għad-diskors tal-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament Ewropew u tenna li gideb meta qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-mod kif qed jimxi l-Gvern.
Stiednu biex meta jrid jiltaqgħu biex jgħidlu “fejn qed ifalli l-Gvern”.
Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista qed jingħaqad aktar minn qatt qabel u li l-Gvern se jkun qed isib vuċi waħda kullimkien tiġġieled għal Malta.