Kien hemm indikazzjoni tal-attakki fi Sri Lanka iżda ma sar xejn biex jitwaqqfu

Koppja minn Sri Lanka ħerġin mill-kamra mortwarja fejn identifikaw il-katavru ta’ membru tal-familja li nqatel fl-attakk tal-Ħadd li għadda. (Credit: Eranga Jayawardena/AP.)

L-attakki koordinati li f’Ħadd  il-Għid filgħodu kissru knejjes u lukundi fi Sri Lanka li fihom tilfu ħajjithom aktar minn 200 pesuna, tweetqu minn seba’ terroristi suwiċida, membri tal-grupp militanti msejjaħ National Thowfeek Jamaath. It-terroristi kienu kollha minn Sir Lanka u l-forzi tas-sigurtàl-pajjiż kienu mgħarrfa bihom u ma għamlu xejn.

Ariyananda Welianga, espert forensiku qal li analiżi tal-katabri tat-terroristi juru ċar li dawn kienu qattiela suwiċida.  Erba’ mit-terroristi aġixxew individwalment fil-knejjes filwaqt li tnejn daħlu u għamlu straġi fil-lukanda Shangri-La.

Dan kien l-agħar attakk terroristiku fi Sri Lanka minn wara l-gwerra ċivili ta’ 10 snin ilu. Dakinhar kienu nqatlu madwar 300 persuna u 500 kienu feruti.

Avviż bil-possibiltà tal-attakki

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” qalet li l-Pulizija qed tinvestiga rapporti li aġenziji tal-intelligence kienu avżati bil-possibiltà ta’ dawn l-attakki. Żewġ Ministri tal-Gvern lmentaw min-nuqqasijiet tal-aġenziji tal-‘intelligence’. Il-Ministru tat-Telekomunikazzjoni qal fuq Twitter li “xi uffiċjali tal-intelligence kienu jafu x’seta’ jsir u ma ħadux azzjoni f’waqtha. Hemm bżonn tittieħed azzjoni serja biex naraw għaliex din it-twissija kienet injorata.

Il-Ministru għall-Integrazzjoni Nazzjonali qal li uffiċjali tas-sigurtà tal-ministeru tiegħu kienu mwissija li żewġ terroristi suwiċida kienu se jattakkaw miri politiċi. Il-Pulizija li qed tinvestiga l-każ se tinvestiga wkoll dawn ir-rapporti.

Imwiet li setgħu kienu evitati

Il-Kardinal Malcolm Ranjith, Arċisqof tal-kapitali Colombo qal li dawn l-attakki setgħu kienu evitati. “Iġġenninna meta sirna nafu li dawn l-imwiet kollha setgħu kienu evitati. Għaliex ma kienx hemm prevenzjoni?”

L-isplużjonijiet madwar il-kapitali, ġarrfu soqfa u tajjru twieqi li qatlu lill-insara fil-knejjes u lit-turisti fil-lukandi f’xena ta’ dħaħen, dmija u twerżieq u sireni tal-ambulanzi u l-pulizija.

Impjegat fil-kamra mortwarja ta’ Negombo qal li ħafna mill-katavri ma setgħux ikunu identifikati minħabba l-feriti estensivi li kellhom.

Paniku kbir

Fil-lukanda Shangri-La in-nies kienu qed jitkaxkru ‘l barra wara l-isplużjoni qawwija. Kien hemm demm kullimkien  qal negozjant żagħżugħ li kien fi triqtu lejn il-lukanda għal laqgħa ta’ negozju. Kien hemm paniku kbir u ħadd ma kien jaf x’inhu jiġri.

Il-biċċa l-kbira tal-vittmi kienu ċittadini ta’ Sri Lanka iżda kien hemm ukoll 27 barrani fosthom Amerikani, Ingliżi, Indjani, Ċiniżi, Ġappuniżi u Portugiżi.

Il-Prim Ministru Ranil Wickremesinghe qal li dan il-massakkru jista’ jġib instabilità fil-pajjiż u wiegħed li se jagħti poteri sħaħ lill-Armata biex tieħu passi kontra dawk responsabbli.

L-Awtoritajiet qalu li l-Ħadd wara nofsinhar sabu bomba kbira b’110 libbri ta’ splussiv, fit-triq li tieħu għall-ajruport internazzjonali iżda membri tal-forzi armati rnexxielhom jinnewtralizzawha.