Kien hemm iktar minn bowl chips waħda – Ministru Camilleri

Il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri qal li huma ma kissru l-ebda rakkomandazzjoni tas-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci meta flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela dehru f’ritratt qed jieklu f’restorant f’Għawdex.

Il-PM flimkien mal-mara tiegħu Lydia Abela dehru f’wieħed mir-ristoranti fil-pjazza tax-Xagħra l-Ħadd waranofsinhar fejn magħhom kellhom ukoll lill-Ministru Clint Camilleri flimkien mal-mara u t-tifla tagħhom.

Fil-Parlament Camilleri qal li kien hemm iktar minn bowl chips waħda u li t-tifla tiegħu kielet biss ċipsa waħda. Fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone, Camilleri qal li flimkien mal-Prim Ministru jridu jgħaddu messaġġ lill-kommunità kummerċjali issa li rrilaxxaw numru ta’ restrizzjonijiet li kien ilhom fis-seħħ numru ta’ ġimgħat.

Camilleri qal li għad-differenza tal-Partit Nazzjonalista li jrid jistaġna l-ekonomija, l-Gvern irid jinċentiva n-negozju.

Schiavone staqsa jekk il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Għawdex kisrux id-direttivi li nħarġu mis-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika dwar tqassim tal-ikel f’restoranti. F’ritratt li deher fuq il-medja soċjali, il-PM flimkien mal-mara tiegħu dehru f’wieħed mir-ristoranti fil-pjazza tax-Xagħra l-Ħadd wara nofsinhar fejn magħhom kien hemm ukoll il-Ministru Camilleri mal-mara tiegħu u t-tifla tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn