“Kien hemm drabi li bżajt imma dejjem imxejt fuq il-valuri” – Lawrence Gonzi

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li ġieli għadda minn mumenti ta' biża' meta kien fit-tmexxija tal-pajjiż. Madankollu, huwa kien iżomm quddiem għajnejh il-ġid komuni u jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq valuri bażiċi.
Dr Gonzi qal dan ma' Newsbook.com.mt, hekk kif ħareġ mill-quddiesa li l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra għal ruħ Daphne Caruana Galizia. 
Iddeskriva l-appell tal-Arċisqof, biex il-poplu jibża' għal xulxin, bħala wieħed li apprezza ħafna. 
Apprezza wkoll il-messaġġ favur il-ġid komuni, li fi kliemu għandu jisboq l-interess personali. Skont Dr Gonzi, dan il-messaġġ jgħodd ħafna mhux biss għall-pubbliku, imma wkoll għall-istituzzjonijiet u l-politiċi. 
Dr Gonzi stqarr li dan mhux mument faċli u li japprezza d-diffikulta ta' min ġenwinament qed imexxi, u jieħu deċiżjonijiet diffiċli.
Huwa appella biex tintrefa' r-responsabbiltà u jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba.
Ritratt: Ian Noel Pace