“Kien ħaqqu żieda, imma postu ċ-Ċirkewwa” – UĦM

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tipprotesta bil-qawwa hekk kif ħaddiem tal-Gozo Channel li tirrappreżenta, li kien instab ħati li ffroda lill-kumpanija minn flus tal-biljetti, reġa’ ntbagħat fir-rwol li kellu meta wettaq ir-reat. Fl-istess waqt enfasizzat li kien ħaqqu li jingħata żieda.

Ma’ Newsbook.com.mt, l-unjin qalet li filwaqt li kienet hi li talbet li l-ħaddiem jingħata żieda bħala rikonoxximent għax-xogħol tajjeb li għamel fl-aħħar tliet snin, temmen li l-bdil fl-irwol se jkun ta’ detriment għalih.

Raymond Borg, magħruf bħala ix-Xitan, kien wieħed minn żewġ ħaddiema tal-Gozo Channel li nstabu ħatja bi frodi fl-2017 u ngħataw il-libertà kundizzjonata għal tliet snin. Kien Newsbook.com.mt l-ewwel li ħareġ bl-aħbar fl-2015, meta dawn iż-żewġ impjegati ġew arrestati.

Minkejja li nstabu ħatja, il-Gozo Channel reġgħet ingaġġat lill-ħaddiema, madanakollu trasferithom għal Malta fi rwoli li ma jeħtiġux li jkollhom x’jaqsmu ma’ flus, filwaqt li naqqsitilhom il-paga.

Iżda issa Borg, mhux biss żdiditlu l-paga, iżda reġa’ ġie trasferit lejn Għawdex u ngħata l-pożizzjoni oriġinali li kellu.

Borg, kanvażer tal-Ministru Anton Refalo, kien issemma wkoll fl-aħbarijiet fl-2013, meta talab lid-duty manager biex ireġġa’ l-vapur lura “għax Refalo tħalla jistenna ċ-Ċirkewwa”. Dakinhar Borg ma kienx xogħol u ġie kkuntattjat mill-Ministru Refalo, li dakinhar kien Ministru għal Għawdex.

Il-UĦM tinsisti li Borg kien ħaqqu żieda

L-Unjin Ħaddiema Magħqudin enfasizzat li Borg kien ħaqqu żieda, madanakollu ċaħdet dak li qal iċ-Chairman tal-Gozo Channel ma’ The Shift News, li kienet deċiżjoni tal-UĦM li l-impjegat ġie trasferit lejn Għawdex.

Tenniet li l-unika talba tagħha kienet dwar żieda fil-paga, hekk kif fl-aħħar tliet snin Borg “ħadem b’mod diliġenti u metikoluż, filwaqt li għamel xogħol ta’ gradi ogħla b’mod effiċjenti u effettiv”.

L-unjin tisħaq li t-trasferiment tiegħu lejn Għawdex imur kontra r-rakkomandazzjoni tal-Bord tad-Dixxiplina, u għaldaqstant fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kienet ta’ Cordina.

Id-deċiżjoni hi ta’ detriment kbir għal Borg

Kenneth Abela, responsabbli mit-taqsima tal-portijiet u t-trasport fi ħdan l-unjin ikkontestat din id-deċiżjoni f’imejl liċ-Chairman tal-Gozo Channel. F’imejl li ġiet f’idejn Newsbook.com.mt, Abela lmenta li din id-deċiżjoni hija ta’ detriment kbir għall-istess impjegat u “moralment ma tagħmilx sens”.

Abela saħaq li l-kumpanija ma tistax tifhem x’messaġġ trid tgħaddi lill-kumpanija billi torbot mażra ma’ għonq l-impjegat. Enfasizza li Borg għandu jerġa’ jintbagħat jaħdem iċ-Ċirkewwa, “biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tiegħu”.