Janice Barbara, omm Juan, it-tifel li l-kanċer ħasadlu ħajtu ta’ 14-il sena, kitbitlu poeżija (aqraha hawn taħt) li fiha tirrakkonta kif Juan kien ħallihom b’ħalqhom miftuħ meta staqsew lil Alla għax marad binhom.
Nitolbok bil-ħrara biex tkellimni f’ħolma – omm Juan
Diġà sitt snin li minna nfridt
Għalkemm dan żgur qatt int ma ridt
Meta int bl-uġigħ tgħabbejt
Kuraġġ ta’ sur int kont rabbejt
Meta semagħna lil Alla nsaqsu
Kif hu kien marad meta qatt ma naqsu
B’ħalqna miftuħ kien Juan ħalliena
Meta għal min ċaħad ‘l Alla hu kellu ħniena
Min tbiegħed minn Alla u ma jgħixx sewwa
Forsi familtu qatt ma wrewh ħlewwa
Jien għandi lilkom biex tieħdu ħsiebi
Familja li tgħożżni u rispett kbir minn ħbiebi
Għalkemm f’din id-dinja żmien qasir qattajt
Lil kull min kien jafek tagħlima int tajt
Bewsa nibgħatlek flimkien ma’ missierek
Naf li int anġlu ħdejn Alla l-Imbierek
Ivan Grech tal-Winter Moods ukoll sellem lil Juan fuq Facebook. Qallu li mhu se jinsa qatt il-ġurnata ta’ meta ltaqa’ mat-tifel “uniku, speċjali u ta’ ispirazzjoni”. Grech kompla jgħid li Juan se jibqa’ jgħix f’kull wieħed u waħda li kienu b’xortihom tajba li kienu jafuh.
Kien hawnhekk li omm Juan, Janice, għamlet referenza għall-kanzunetta The Journey tal-Winter Moods li Juan kien ta’ ispirazzjoni għaliha.
Filmat: Juan…l-ispirazzjoni ta’ kanzunetta tal-Winter Moods
Din il-ġimgħa saret quddiesa b’tifkira ta’ Juan fil-Knisja Santa Marija Ħal Għaxaq.