‘Kien diġà fl-Armata meta kellu każ pendenti kontrih’ – FAM

Il-Forzi Armati ta’ Malta qalet li l-każ separat ta’ wieħed miż-żewġ akkużati fil-qtil tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju, ġie deċiż wara li dan kien ilu ftit żmien fl-FAM. Fi stqarrija, l-Armata spjegat li Lorin Scicluna kien diġà membru tagħha meta kellu każ pendenti kontrih. Żiedet tgħid li kien qabel ma kien ingaġġat, li seħħ il-każ, li eventwalment instab ħati u ngħata l-libertà b’kundizzjoni.

AQRA: Aġġornata (2): Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

Il-FAM sostniet li meta kien deċiż il-każ dan ma kienx meqjus wieħed gravi li jimmerita tkeċċija. Kompliet tgħid li s-sentenza fil-konfront tiegħu kienet waħda ta’ libertà kundizzjonata u semmiet kif fil-każ ġie kkunsidrat li kien għadu minuri. Dan għalhekk ifisser li Scicluna ġie ngaġġat qabel il-każ ma kien deċiż.

Separatament il-Ħadd, Newsbook.com.mt  bagħat mistoqsijiet lill-Forzi Armati ta’ Malta jistaqsi f’liema diviżjoni kienu stazzjonati ż-żewġ suldati li huma akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane. Fl-istqarrija l-FAM qalet li huma kienu ngaġġati madwar sena u nofs ilu, u kienu jaħdmu f’sezzjonijiet separati mingħajr ma ġie speċifikat f’liema sezzjoni. Il-FAM kompliet tispjega li dawn ma kellhom l-ebda xogħol li huwa relatat direttament mal-immigranti. Saħqet ukoll li kellhom rekord ta’ dixxiplina militari nadifa.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll meta dawn ġew ingaġġati mill-Armata kif ukoll kemm uffiċjali ddaħħlu li ma kellhomx kondotta nadifa. Wieħed mir-rekwiżti biex wieħed jidħol fl-Armata huwa li jkollu l-kondotta nadifa.

Il-FAM iktar tard matul il-jum ta’ Tnejn ħarġet stqarrija li fiha wriet is-sobgħa u d-dieqa għal dan l-aġir. Kompliet tgħid li hi tikkundanna bla riservi aġir li huwa diskriminatorju, filwaqt li estendiet il-kondoljanzi tagħha lejn il-qraba tal-vittma.

Is-sospensjoni meta saret?

Kelliema għall-FAM il-Ħadd qalet ma’ Newsbook.com.mt li sal-ħin li din il-kamra tal-aħbarijiet għamlet kuntatt (14:58), iż-żewġ akkużati ma kinux ġew sospiżi minħabba l-investigazzjoni interna li hemm għaddejja fil-Forzi Armati ta’ Malta biex jiġi stabbilit jekk dawn aġġixxewx waħidhom jew inkella kinux parti minn organizzazzjoni. Kien biss il-Ħadd filgħaxija li l-midja tal-Partit Laburista ħarġet artiklu tikkwota sorsi jgħidu li dawn kienu sospiżi b’mod immedjat. Newsbook.com.mt reġa’ għamel kuntatt mal-FAM biex jara kienx hemm xi żvilupp, bil-kelliema tgħid li se tinħareġ stqarrija filgħodu.

AQRA: Iż-żewġ suldati akkużati b’omiċidju għadhom mhux sospiżi mill-AFM

It-Tnejn filgħodu l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal lill-midja li ż-żewġ akkużati ġew sospiżi b’mod immedjat. Min-naħa tagħha, l-FAM qalet it-Tnejn waranofsinhar, li żewġ individwi ġew ‘sospiżi b’mod immedjat malli tressqu l-Qorti’. Saħqet li dawn daħlu fl-Armata b’fedina penali nadifa.

Skont il-Forzi Armati ta’ Malta, fil-każ taż-żewġ suldati akkużati bi qtil ta’ Cisse fost akkużi oħra, il-Kmandant tal-FAM ħa passi immedjati sabiex jikseb ordni tal-President permezz tal-Ministru għall-Intern biex l-akkużati jiġu sospiżi b’mod immedjat. Qalet ukoll li tnediet inkjesta interna.